Futbol Sport

Ritorn għal Greco bħala kowċ ta’ Sliema Wanderers

(Ritratt: Joe Borg)

Alfonso Greco se jkun qed jirritorna f’pajjiżna hekk kif inħatar kowċ ta’ Sliema Wanderers. Ikkonferma dan il-President ta’ Sliema Keith Perry waqt il-programm radjofoniku Replay Ikompli fuq Net FM. Greco se jkun qed jasal f’pajjiżna matul din il-ġimgħa u se jmexxi l-ewwel sessjoni t-Tnejn li ġej, f’dik li se tkun it-tielet esperjenza tiegħu mal-Wanderers.

Il-kowċ ta’ 50 sena kien mexxa lil Sliema bejn l-2012 u l-2014 u wara esperjenza ma’ Żebbuġ Rangers ukoll fil-Kampjonat Premier, Greco kien irritorna għat-tieni esperjenza ma’ Sliema sentejn wara. Minn dak iż-żmien, Greco mexxa lil Ostiamare Calcio rnexxielu jikseb punti rekord għall-klabb fis-Serie D u kwalifika bil-play-off. Fl-istaġun li għadda, u kiseb is-salvazzjoni wara play-out.

L-assistent tiegħu għalissa se jkun dak attwali Ivan Woods. Iżda mhux eskluż li dan iħalli pajjiżna fiż-żmien li ġej hekk kif hemm tal-anqas żewġ klabbs Żvizzeri li huma interessati li jaħtru lil Woods bħala assistent kowċ. L-interess fl-eks plejer hu frott tal-ħidma li fl-aħħar snin il-President ta’ Sliema għamel ma’ numru ta’ klabbs barranin fosthom l-Iżvizzera. Ftit tas-snin ilu, Jean Paul Farrugia kien mar jilgħab fl-Iżvizzera filwaqt li l-istaġun li għadda lagħab mas-Slimiżi Younes Marzouk.