Lokali Qorti

L-akkużat kien fi stat ta’ ġenn u forma ta’ illużjoni – il-Psikjatra Joe Cassar

Michael Emmanuel ta’ 28 sena mill-Kosta tal-Ivorju li kien wasal Malta bħala immigrant illegali fid-29 ta’ Marzu tal-2011 ibati minn psikożi, li hija forma ta’ illużjoni. Din hija kundizzjoni li ma tħallihx jgħix ir-realta tal-ħajja.

Huwa għamel minn kollox biex ineeħħi s-saħta minn fuq il-vittma u s-sieħba tiegħu Maria Lourdes Agius, li skont hu kienet qed tikkontrolla s-sitwazzjoni familjari. Skont il-Kodiċi Kriminali dan ifisser li l-akkużat kien fi stat ta’ ġenn.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-psikjatra u Konsulent fl-istess materja Joe Cassar li kien tqabbad mill-Qorti biex jagħmel ir-rapport psikjatriku fil-konfront ta’ Emmanuel li bħalissa għaddej proċeduri fil-Qorti Kriminali biex jiġi deċiż jekk waqt l-esekuzzjoni tal-allegat reat minn naħa tiegħu, huwa kienx fi stat ta’ ġenn jew le.

Quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera Michael Emmanuel qed jgħid li huwa ma kienx fi stat mentali normali meta wettaq ir-reat, li kien seħħ fil-15 ta’ Settembru li għadda f’Raħal Ġdid, bil-vittma tinstab fgata fil-kamra tas-sodda tagħha taħt il-friex.

F’xhieda li ħadet fit-tul u wara domandi kontinwi mill-naħa tal-Prosekuzzjoni, l-Psikjatra Joe Cassar qal li meta ltaqa’ ma’ Emmanuel biex jara kif inhi s-sitwazzjoni mentali tiegħu, jemmen li kien bniedem li kien qed jaġixxi b’mod naturali, jiġifieri mhux li kien qed iqarraq waqt l-eżami li kien qed jagħmillu.

Cassar qal li huwa minnu li biex wieħed jagħmel verifika fuq persuna, aktar ma jkun raha u jsir jafha, aktar ir-rżultat ikun tajjeb. Imma tenna li hu ma fformulax l-opinjoni tiegħu fuq Emmanuel, fuq dak li raha biss, imma anke wara li raha l-file tal-Psikjatra li kien rah qabel u anke raha l-fajl tal-isptar Monte Carmeli, fejn hemm kien qed jingħata wkoll forma ta’ kura u kien ukoll qed jieħu tliet dożi differenti ta’ mediċina minħabba l-kundizzjoni li kellu.

Cassar qal li l-akkuzat ġħaddej minn kultura Afrikana, u minkejja li huwa Kristjan, il-modulu tat-twemmin tagħhom jista’ jwassl għal ċerta prattiċi. Meta kien tkellem miegħu, qal ix-xhud, Emmanuel qallu li meta kien żgħir u jgħix fil-villaġġ tiegħu Alla kien kellmu tliet darbiet.

Qallu wkoll li meta kien qed jaħdem Malta, u kien qed jagħrbel is-siment dan kien deherlu bħala forma ta’ stilla. Mistoqsi minn waħda mill-ġurati, l-Psikjatra Cassar qal li anke fuq il-kurċifiss li allegatament ntuża waqt il-kummissjoni tad-delitt, qal li skont Emmanuel dan beda jagħmel movimenti xokkanti wara li huwa għamlu ma’ għonq il-vittma. Cassar qal ukoll li huwa kien raha lil Emmanuel fit-23 ta’ Ottubru tal-2018, ftit aktar minn xahar wara li seħħ id-delitt.

Kien qallu li missieru huwa “pastor” Kristjan u li kien ġej minn familja fejn aħwa kienu 10. Tenna li minkejja li fil-kliem tiegħu kien daqsxejn anzjuż, beda jgħidlu b’kollox u minn xhiex kien għadda u kien jaf x’kien qed jagħmel u x’kien qed jgħid. Cassar qal ukoll li l-akkuzat kien anke jikkonsma il-marujana. Qal li Emmanuel kellu missjoni speċjali li jneħħi dak kollu li għalih kien qed isir ħsara fuqhom, u għalhekk ma kellux kontroll sew fuq moħħu.

Ix-xhud qal ukoll li huwa skopra li l-akkuzat ma kellux storja fil-familja li tbati minn xi kundizzjoni psikjatrika. Qal li l-illużjonijiet fuq persuna jistgħu jkunu diversi, fejn xi ħadd jista jemmen li għandu kapaċitajiet straordinarji, bħal lu huwa l-Papa, Superman jew xi Alla, jew bil-maqlub, li huwa ma jfisser xejn għas-soċjeta’

L-ewwel xhud it-Tlieta kienet Dr. Tanja Mellilo, li tmexxi unit dwar is-saħħa tal-Immigrati rregolari meta dawn jaslu Malta. Hija qalet l-akkużat ġie Malta f’Marzu ta’ tmien snin ilu, u li hu kien qal li kien ġej mis-Sudan.

Qalet li l-inmigranti jiġu ċċekkjati għal xi mard li jista’ jkollhom qabel ma jiġu rilaxxati fid-diversi detenzjonijiet. Hija qalet li ma tiftakarx jekk l-akkużat kienx qal li jbati minn xi mard mentali, għalkemm wisq probabbli li le. Tenniet li ilha taħdem f’dan il-kamp għal madwar 10 snin.

Fis-sessjoni ta’ filgħaxija xehedu wkoll il-patoloġisti Marie Therese Camilleri Podesta u Ali Salfraz li qalu li l-vittma mietet fgata minħabba pressjoni fuq għonqha fejn kienu kompatibbli wkoll ma grif fuq wiċċha għonqha u rasha.   

Hija kellha wkoll emoroġija b’għajnejha jkunu bojod sforz tal-pressjoni fuq l-għonq. Salfraz qal li kienet ilha mejta għal ftit tas-sigħat jekk mhux ukoll minuti, dwar meta nstabu l-ġrieħi.

L-akkużat kienu ilu jgħix mal-vittma għal kważi erba’ snin u kellu żewġ t’itfal mill-vittma li kellha seba’ wlied.  L-Avukati tiegħu, li huma tal-għajnuna legali huma Marc Sant u Dustin Camilleri filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Matthew Xuereb u Charles Mercieca. Il-każ ikompli l-Erbgħa filgħodu.