Sport Waterpolo

Tasal ir-reazzjoni mistennija minn Neptunes b’rebħa fuq Exiles

Illum bdiet fażi oħra tal-l-istaġun tas-sajf hekk kif wara li ntemm ir-rawnd preliminari, it-timijiet inqasmu fil-Kampjonat Premier u l-Ewwel Diviżjoni. F’din il-fażi qed jintlagħbu l-logħbiet bejn timijiet tal-istess diviżjoni iżda li ma lagħbux kontra xulxin fir-rawnd preliminari.

B’hekk it-timijiet tal-Kampjonat Premier bdew biż-żewġ logħbiet diretti li lagħbu fir-rawnd preliminari filwaqt li t-timijiet tal-Ewwel Diviżjoni bdew b’żewġ logħbiet b’eċċezzjoni ta’ Birżebbuġa u Marsaskala li lagħbu logħba biss minħabba li Grupp A kien fih ħames timijiet u għalhekk kienu l-uniċi timijiet li minn dak il-grupp li se jkomplu fl-Ewwel Diviżjoni.

EXILES ELIA CATERERS…….. 10 NEPTUNES LEO VEGAS…….. 15

(2-5), (3-4), (3-3), (2-3)

Wara t-telfa kontra Sirens, Neptunes Leo Vegas wettqu r-reazzjoni mistennija minnhom u għelbu lil Exiles Elia Caterers. Għalkemm ma ddominawx, Neptunes kienu l-aħjar tim tul il-konfront u r-rebħa tagħhom tista’ titqies komda.

L-ewwel nofs tal-ewwel sessjoni kienet bilanċjata sakemm Neptunes skorjaw darbtejn fl-aħħar kwart tas-sessjoni mill-aħwa Jordan u Stevie Camilleri minn penalty. Dan id-distakk ta’ tliet gowls serva biex Neptunes setgħu jieħdu kontroll tal-logħba u wara li Jelaca naqqas id-distakk, Neptunes skorjaw erba’ gowls konsekuttivi u fetħu vantaġġ komdu ta’ 9-3. Michele Stellini u Marko Jelaca żammew lil Exiles jittamaw b’żewġ gowls fl-aħħar minuta u nofs tas-sessjoni.

It-tim ta’ Igor Vukanovic deher li seta’ jagħmel rimonta simili bħal dik ta’ kontra San Ġiljan meta wara li kienu 11-5 minn taħt, skorjaw permezz ta’ Nicky Paris u doppjetta ta’ Milos Vukicevic li f’xi ħinijiet kien aktar irtirat minn fejn jilgħab is-soltu. Kellu jkun gowl immedjat ta’ Jake Muscat fl-aħħar erba’ sekondi tas-sessjoni li qatel it-tamiet tal-avversarji.

Jordan Camilleri żied il-vantaġġ fl-ewwel azzjoni tal-aħħar sessjoni u minn hemm Neptunes ikkontrollaw fejn anki wieġbu darbtejn għall-gowls tal-avversarji.

Exiles: M. Castillo, M. Stellini (1), A. Magri, M. Jelaca (2), T. Sullivan, S. Xerri de Caro (1), M. Fenech, K. Griscti (1), M. Vukicevic (2), A. Cousin (1), N. Paris (1), P. Paris (1), M. Martin, S. Apap, C. Von Brockdorf

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon, K. Erdogan, G. Pace, P. Muslim (2), D. Brguljan (3), S. Camilleri (3), J. Camilleri (4), J. Abela, N. Zammit (1), J. Muscat (1), M. Azzopardi (1), B. Busuttil, S. Busuttil, J. Farrugia

Referees: Alex De Raffaele, Gianluca Centineo

Birżebbuġa jaċċertaw fit-tieni parti tal-logħba

TA’ XBIEX AMIGOS………….. 12 BIRŻEBBUĠA FREEPORT…………. 15

(3-2), (2-3), (2-5), (5-5)

Birżebbuġa kisbu t-tieni rebħa fil-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni. Dan hekk kif wara li baqgħet tgħodd ir-rebħa fir-rawnd preliminari kontra Marsaskala, rebħu 15-12 kontra Ta’ Xbiex. Kollox ma’ kollox kienet rebħa meritata għal Birżebbuġa, bit-tielet sessjoni tkun deċiżiva. Għal Birżebbuġa għamel id-debutt il-Kroat Antun Goreta li skorja erba’ gowls. Hu ħa post Balint Lorincz li rritorna pajjiżu għal raġunijiet personali.

Ta’ Xbiex ma kinux inferjuri fl-ewwel parti tal-logħba u kellhom darbtejn vantaġġ fl-ewwel sessjoni u darba fit-tieni sessjoni, b’Nenad Kacar jiskorja tripletta hekk kif iż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu fi draw ta’ 5-5.

Birżebbuġa kisbu l-vantaġġ li kellhom bżonn meta skorjaw tliet gowls konsekuttivi permezz ta’ Jake Bajada, Antonio Petkovic u David Cutajar, distakk li Ta’ Xbiex qatt ma rkuprawh. Dan għaliex wara li Kacar naqqas id-distakk, Cutajar u Petkovic għamlu l-iskor 10-6, b’Keith Tanti jnaqqas id-distakk.

L-aħħar sessjoni kienet bilanċjata iżda Birżebbuġa baqgħu jikkontrollaw il-logħba. Kacar u Niall Saliba naqqsu d-distakk parzjali għal 14-12 sakemm Simon Vassallo skorja lejn it-tmiem.

Ta’ Xbiex: Z. Sciberras, R. Greco, M. Demarco, N. Schiavone (1), M. Carani, G. Blundell, D. Fenech (1), N. Saliba (3), N. Kacar (6), G. Sammut, K. Tanti (1), N. Gitto, A. Theuma

Birżebbuġa: A. Bugeja, M. Borg, N. Cassar, D. Pace Lupi, C. Mifsud, A. Petkovic (4), S. Vassallo (1), D. Cutajar (3), J. Bajada (1), M. Cutajar (1), A. Goreta (4), M. Ortoleva (1), D. Spiteri, C. Farrugia, R. Spiteri

Referees: Peter Balzan, Giuseppe Fusco