Fil-mard u fit-tbatija, wiċċu kien dejjem seren u ma jgergirx.
Hekk kien deskritt Louis Refalo, minn ħuh Dun Alex, li mexxa l-Aħħar Tislima lill-eks Deputat Nazzjonalista Għawdxi fil-Knisja Kolleġġjata tax-Xagħra.
Minkejja l-mard u t-tbatija li għadda minnha fl-aħħar jiem, Louis dejjem sab il-ħin għat-talb. Ma ddisprax u sab kenn f’Alla meta fl-aħħar jiem marad serjament, tenna Dun Alex.
Dejjem fittex is-sabiħ tal-familja, minkejja l-impenji kbar li kellu kemm dam fil-politika. Imbagħad, uża’ t-tbatija biex jinħall minn dak kollu li hu tad-dinja ħalli jintelaq f’idejn ir-rieda ta’ Alla.
It-tbatija li għadda minnha ħejjietu għall-kobor bla qies, kompla ċ-Ċelebrant.
Fi Knisja mimlija bin-nies, preżenti għaċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajjet Louis Refalo kien hemm għadd ta’ politiċi preżenti u passati tal-Partit Nazzjonalista, immexxija mill-Kap tal-Partit Adrian Delia.
