Lokali

Ursula Von der Leyen: l-ewwel mara għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea

Wara tlett ijiem ta’ laqgħat, il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea laħqu qbil dwar min se jkun qed imexxi l-Kummissjoni Ewropea.

Il-Ġermaniża Ursula Von der Leyen mistennija tkun is-suċċessur ta’ Jean Claude Juncker u l-ewwel mara li se tkun qed isservi ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea wara li ġiet nominata bħala l-Kandidat ewlenija.

Von der Leyen hi omm ta’ sebat itfal, persuna li għandha għal qalbha t-temi soċjali u li tul il-karriera tagħha stinkat biex jissaħħu l-Liġijiet favur il-Familja. Ursula Von der Leyen ġejja mill-familja politika tal-Partiti Popolari Ewropej.

Dan kollu filwaqt li Christine Lagarde ġiet nominata bħala l-Kandidat għall-Presidenza tal-Bank Ċentrali Ewropew u Charles Michel għall-Presidenza tal-Kunsill Ewropew wara Donald Tusk.

U Josep Borrel Fontelles intgħażel bħala l-Kandidat għar-Rappreżentanza Għolja tal-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà.

Din l-aħbar wasslet għal għadd ta’ messaġġi ta’ awguri, fosthom mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li fuq Twitter awgura lil Von der Leyen għan-nomina tagħha bħala l-ewwel mara fil-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea.

Hu awgura wkoll lill-Kandidati għall-karigi l-oħrajn, fosthom lil Christine Lagarde, li wkoll hi parti mill-familja politika tal-Partit Popolari Ewropew.