-Kristy Debono, PN
Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono qalet li jeħtieġ strateġija ħolistika fis-settur finanzjarju.
Kristy Debono kienet qed titkellem fil-parlament fid-dibattitu dwar l-Abbozz li se jemenda żewġ Atti – dak Bankarju – l-Banking Act u l-Att dwar l-Istituzzjonijiet Finanzjarji.
Kemm l-emendi fl-Att Bankarju kif ukoll dawk fl-Att dwar l-Istituzzjonijiet Finanzarji huma transpożizzjonijiet biex il-liġijiet tagħna jiġu f’linja ma’ diversi direttivi tal-UE u Direttivi tal-Parlament Ewropew primarjament il-Payment Services Directive 2, il-Payment Accounts Directive u l-Bank Recovery and Resolution Directive.
Dan hu Abbozz tekniku li l-biċċa l-kbira tiegħu huma transpożizzjonijiet u kif normalment hu l-każ ta’ transpositions, huma imposti fuqna mill-Unjoni Ewropea u huma meħtieġa biex mhux biss dawn il-liġijiet jiġu jaqblu mal-bidliet u direttivi aġġornati Ewropej, però ukoll biex ikun hemm allinjament bejn iż-żewġ Atti li qed niddiskutu llum – l-Att għall-Kummerċ Bankarju u l-Att għall-Istituzzjonijiet Finanzjarji.
Dan l-abbozz żgur li mhux kontroversjali u nerġa’ ntenni li huwa meħtieġ u allura żgur li bħala Oppożizzjoni se nkunu qed nappoġjaw għaliex huma mposti fuqna mill-UE u għaldaqstant importanti li l-liġijiet tagħna jiġu aġġornati kif mistennija.
Kristy Debono qalet li l-qofol ta’ dawn l-emendi se jkun l-implimentazzjoni totali tal-Payment Services Directive 2 – direttiva purament bankarja u ma jidhirx li hemm xi diverġenzi fil-proċess ta’ addozzjoni.
Però li huwa żgur hu li s-settur bankarju lokali jeħtieġ li jkun preparat mhux biss għal dawn il-bidliet, biex jibdew jiġu regolati il-PISP – Payment Initiation Services Providers u l-AISP – Account Information Services Providers u għall-addozzjoni ta’ direttivi fit-totalità tagħhom pero huwa inutli li niffaċilitaw l-aspett regolatorju biss u jsir it-titjib meħtieġ fis-sistema regolaturja eżistenti, jekk ma jiġix implimentat pjan ħolistiku fuq is-settur bankarju lokali biex nassiguraw li dan jibqa’ sostennibli, effiċjenti u kompetittiv. Id-deputat Nazzjonalista qalet li s-settur bankarju lokali għaddej minn żmien kruċjali u li jekk m’aħniex se nindirizzaw dawn l-isfidi, aħna flimkien – il-Gvern, l-Oppożizzjoni, r-regolaturi, is-service providers u l-istake holders kollha – flimkien b’għan wieħed li nerġgħu nsaħħu dan is-settur u naqblu li jeħtieġ pjan konkret, pjan ħolistiku kif se nirrestawraw ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna – jekk ma jsirx dan se nkunu verament qed inpoġġu f’riskju mhux biss is-setturi l-aktar importanti ta’ pajjiżna bħas-settur tal-gaming, s-servizzi finanzjarji, l-aspett kummerċjali, in-negozji żgħar u kbar però anke nitilfu l-abbiltà li nattiraw investiment dirett barrani.
Ma nistgħux ma nsemmux sfida ewlenija bħalissa; il-kwestjoni tal-correspondent banking. Suġġett li f’dawn l-aħħar snin semmietu l-Oppożizzjoni konsistentament għax is-sinjali kienu qegħdin juru li bank ewlieni ta’ pajjiżna – pilastru ewlieni fis-settur bankarju lokali – l-Bank of Valletta kien qiegħed jitlef correspondent banks importanti u ma kienx qiegħed jirnexxielu jibda relazzjonijiet ġodda ma’ correspondent banks kbar, dawk li nsejħulhom Tier 1 u li jagħtu ċertu stabbiltà u kredibbiltà.
Illum wasalna fl-estremità li ftit tal-jiem ilu – il-Bank ING – l-aħħar correspondent bank tal-Bank of Valletta se jwaqqaf is-servizzi tiegħi lill-bank lokali tagħna sal-aħħar ta’ din is-sena.
Kristry Debono qalet li aħna ġbidna kemm-il darba l-attenzjoni tal-Gvern dwar id-diffikultajiet kbar li s-settur bankarju lokali qiegħed jiffaċċja mhux biss biex jiftaħ kontijiet bankarji b’mod ġenerali lil persuni li jixtiequ jiftħu jinvestu ġewwa pajjiżna iżda ukoll dwar l-isfida ta’ banek lokali biex kemm iżommu r-relazzjoni li kellhom ma’ correspondent banks pero anke biex jibda relazzjonijiet ġodda.
Il-Correspondent Banks huma vitali, kemm biex isiru tranżazzjonijiet kummerċjali ma’ kumpaniji internazzjonali kif ukoll iservu ta’ dollar clearing banks, peress li d-Dollaru Amerikan huwa l-aktar munita li biha jsiru transazzjonijiet internazzjonali. Ir-rwol ta’ correspondent banks għaldaqstant huwa kruċjali biex jsiru ħafna tranżazzjonijiet ma’ kumpaniji barranin u tranżazzjonijiet bid-dollaru li bihom saħansitra jitħallsu kumpaniji lokali jew kumpaniji bażati f’pajjiżna għas-serivizzi li joffru jew li jieħdu minn kumpaniji madwar id-dinja.
Il-problema ta’ correspondent banks ma bdietx issa u mhiex qed tolqot biss lil pajjiżna. In-numru ta’ relazzjonijiet ta’ banek ma’ correspondent banks ilu niżel madwar id-dinja għal dawn l-aħħar snin. Ir-raġuni ewlenija hi li dawn il-banek qed jaddottaw business models li huma ferm anqas esposti għal riskji.
Din bdiet primarjament wara l-kriżi finanzjarji internazzjonali u li kaġun ta’ dan wasslet għall-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet internazzjonali dwar il-prattiċi bankarji kontra l-ħasil tal-flus, compliance, due diligence fost l-oħrajn u li huma ferm aktar rigorużi.
Il-fatt li għandna l-problema tad-diseconomies of scale – fejn minnħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna u allura l-volum ta’ negozzju fit-transazzjonijiet tal-banek lokali tagħna huma relattivament żgħar – ir-risk reward factor għal correspondent banks biex jibdew jew iżommu relazzjoni ma’ bank lokali hija għolja wisq peress li għall-correspondent bank ma tkunx vijabbli ekonomikament li jidħol fi spejjeż ta’ proċeduri ta’ AML u compliance għal volum relattivament żgħir. Iċ-ċokon ta’ pajjiżna dejjem kien dak li hu u allura din mhiex sfida ġdida.
Minħabba l-fatt li l-awtorijtajiet u regolaturi finanzjarji internazzjonali – l-aktar dawk Ewropej u tal-Istati Uniti qegħdin jesiġu mill-correspondent banks li jagħmlu due diligence kontinwu u rigoruż kemm fuq il-pajjiż in kwestjoni kif ukoll fuq il-bank innifsu li jkunu qegħdin jikkorispondu magħhom u minnħabba li normalment il-correspondent bank jorbot fuq id-due diligence li l-banek lokali jagħmlu fuq kull tranżazzjoni li ssir, ir-reputazzjoni u l-perċezzjoni hemm barra dwar il-prattiċi tal-banek tagħna kontra l-ħasil tal-flus hi importanti ħafna biex tikkonvinċi correspondent bank jekk għandux jibqa’ joffri s-servizzi tiegħu lil bank Malti jew saħansitra jibda relazzjoni ma’ bank Malti.
Kristy Debono qalet li r-rapporti dwar prattiċċi laxki jew saħansitra prattiċi ħżiena jpoġġu lill-banek lokali f’qagħda ferm aktar dgħajfa biex jinnegozzjaw ma’ correspondent banks serji, stabbiliti u ta’ reputazzjoni li l-banek lokali dejjem kellhom negozju magħhom.
Wara l-iskandlu tal-Panama u l-attitudni ta’ bla azzjoni tal-Gvern fil-ħidma tiegħu biex jirrestawra r-reputazzjoni tal-pajjiż, Gvern li għadu jiċħad li r-reputazzjoni tagħna marret il-baħar f’dawn l-aħħar snin; illum l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u negozjant barrani serju iħares lejn pajjiżna u jara pajjiż fejn hemm laxkezza fejn jidħol il-ħasil tal-flus u livell għoli ta’ tolleranza tal-Gvern f’dan ir-rigward.
Il-fatt li Malta rċeviet twissija f’Mejju tas-sena l-oħra, li pajjiżna se tkun black listed mill-OECD, sakemm ma jiġux implimentati miżuri effettivi li jikkonvinċu li pajjiżna ma jittolerax l-abbuż fuq ir-riskju tal-bejgħ tal-passaporti li qiegħed jesponina għal riskji ta’ ħasil tal-flus. Ħames xhur wara t-twissija fil-fatt pajjiżna tniżżel fil-lista s-sewda tal-OECD peress li sirna pajjiż high risk għal money laundering.
Rapporti bħal dawn mhux biss ma jgħinux lil banek lokali biex jistabilixxu relazzjoni mal-correspondent banks però investitur serju barrani li juża l-OECD assessments bħala benchmark qabel jinvesti f’pajjiżna ukoll jitgerrex u minnflok jinvesti f’pajjiżna jagħżel pajjiż ieħor.
Rapporti oħrajn negattivi tal-UE, l-indiċi globali tat-transparency international, ir-rapport inizzjali xejn pożittiv tal-Money Val Assessment, Pilatus Bank, is-Sata Bank; dawn kollha esponewna għal reputational risk kbira u allura l-isfidi tal-banek lokali mhux biss biex issibu jew iżommu correspondent bank, però anke biex jibqgħu kompetittivi qegħdin jikbru.Il-Bank of Valletta hu ilastru ewlieni fis-settur bankarju ta’ pajjiżna u hu l-uniku bank lokali li joffri servizzi lill-industija tal-gaming, l-industrija tal-virtual financial assets, dik tal-block chain u tal-payment gateways.
Minnħabba li l-mudell ekonomiku tiegħu hu tali mod li joffri servizzi lil attivitajiet ekonomiċi li huma kkunsidrati bħala riskjużi bħall-blockchain u gaming, allura huwa meqjus minn istituzzjonijiet u regolaturi Ewropej bħala aktar riskjuż.
Għalhekk jeħtieġ li nipproteġu ferm aktar ir-reputazzjoni tiegħu u ta’ pajjiżna. Għaliex il-possibbilità li l-Bank of Valletta u kull bank ieħor isib diffikultajiet li jipproċessa tanżazzjonijiet fid-dollaru Amerikan jista’ potenzjalment iwassal għall-kollass tas-setturi ekonomiċi l-aktar importanti – dawk futuristiċi u dawk ta’ valur miżjud.
Għalhekk ma tistax issir diskussjoni biex nsaħħu l-leġiżlazzjoni, nitkellmu dwar it-transpożizzjonijiet tal-UE però mbagħad il-proċeduri ma jiġux implimentati b’mod rigoruż u effettiv. Inutli nsaħħu l-MFSA u l-FIAU b’aktar riżorsi u aġġornamenti fil-liġi biex nagħmluhom aktar rilevanti però imbagħad l-awtonomija tagħhom tibqa’ mxekkla.
Kristy Debono qalet li s-settur bankarju hu l-aktar settur li għandu sfidi fost is-settur finanzjarji. Napprezza li qed isir tisħiħ fl-implimentazzjonijiet regolatorji u compliance checks però qed ikun hemm sfidi kbar biex is-settur bankarju jibqa’ sostennibli u adekwat. Anki fejn jidħol l-l-aċċess għall-finanzjament, l-aċċess għal loans qed issir wisq diffiċli u allura bħala pajjiż qed jitlef wisq mil-kompetittività tiegħu kemm biex jattira investiment dirett barrani u anke għal investitur Malti biex jinvesti.
Illum qed ngħixu realta li qed issir kważi impossibbli li kumpaniji jiftħu kont bankarju speċjalment għal persuni barranin. Żgur li d-due diligence huwa bżonnuż, żgur li naqbel mal-cautios approach li qiegħed jaddotta s-settur bankarju, iżda ma nistgħux ngħalqu, noqtlu l-proċess bankarju għaliex mal-ħażin jeħel it-tajjeb.Għalhekk hu inutli allura li ġejna hawn, iddiskutejna, ressaqna proposti, appoġġjajna lill-Gvern fuq qafas leġiżlattiv bħal tal-blockchain, però ma nistgħux nieħdu l-potenzjal ta’ setturi innovattivi, tal-Fintech u lanqas tas-settur finanzjarju tradizzjonali meta r-reputazzjoni u l-attractiveness tas-settur bankarju qiegħed ikun il-ħin kollu imminat. Għaliex is-suċċess ta’ setturi bħal Fintech, tas-servizzi finanzjarji inġenerali, tan-negozju jiddependi b’mod dirett fuq l-approach kawta però flessibli u kompetittiva tas-settur bankarju. Din il-ġimgħa t-Times of Malta żvelat korrespondenza fejn l-MFSA tat sa nhar il-ġimgħa ċans lil Bank of Valletta biex tipprepara programm ta’ bidliet kbar fl-operat tagħha.
Nemmen li anke hawn teħtieġ diskussjoni serja dwar il-business model ta’ dan il-bank. Il-Gvern għandu jibqa’ l-akbar share holder f’dan il-bank? Il-perċezzjoni ta’ influwenza politika f’dan il-bank, kif se niġġildulha? X’se jkun il-pjan immedjat ta’ dan il-bank, anke fejn jidħol correspondent bank? X’inhu l-pass li jmiss?
Jeħtieġ li nammettu li s-settur bankarju qiegħed jiffaċja sfidi kbar. Ir-raġuni li l-Bank of Valletta se jitlef l-aħħar correspondent bank, mhiex għaliex huwa vittma tas-suċċess tiegħu. Ejja nirrispettaw l-intelliġenza tal-poplu Malti u Għawdxi u n-negozjant li verament huwa kkonċernat dwar il-futur tas-settur bankarju tagħna.
Jeħtieġ pjan ta’ azzjoni bi strateġija ta’ kommunikazzjoni ferm aħjar mal-istakeholders kkonċernati. F’dan l-istadju d-dubji u l-ħabi ikomplu jiggravaw is-sitwazzjoni. Jeħtieġ pjan konkret, effettiv li jwassal għal riżultati tanġibbli għaliex jekk issaqsi l-industrija illum jgħidulek li jekk qegħdin jittieħdu azzjonijiet konkreti anke biex nissalvagwardjaw ir-reputazzjoni tal-pajjiż; dawn żgur li m’humiex qegħdin jinħassu.
Hi appellat għal strateġija ħolistika f’dan is-settur kruċjali. M’għandhix dubji li lkoll konxi bl-isfidi kbar li għandna bħala pajjiż, minnħabba ċ-ċokon tagħna, diseconomies of scale, biex nibqgħu rilevanti u kompetittivi meta għandna quddiemna sfida enormi tal-correspondent banking, l-fatt li UE tesiġi compliance aktar rigoruż, l-penali f’każ ta’ improper practice dejjem jiżdiedu. Dawn huma sfidi li grazzi għar-reputazzjoni tal-pajjiż, istituzzjonijiet serji u dawk li jipprattikaw li huma motivaturi ewlenin f’dan is-settur, pajjiżna dejjem kien irnexxielu jgħeleb kull sfida f’dan is-settur.
Ir-realtà hi l-aktar għadu tagħna saret ir-reputazzjoni tagħna u għalhekk jeħtieġ li jekk verament nemmnu f’dan is-settur jeħtieġ li llum qabel għadu nuru l-impenn tagħna biex inkunu proattivi u naraw li verament nibdew l-ewwel passi biex nirrestraw ir-reputazzjoni ta’ dan il-pajjiż.
//= $special ?>