Lokali Qorti

L-akkużat kien qal lill-Pulizija li sabha mejta ħdejh… qal li riditu jgħix ħajja aħjar ma’ mara oħra

Michael Emmanuel ta’ 28 sena mill-Kosta tal-Avorju li jinsab mixli bil-qtil tas-sieħba tiegħu baqa’ jinsisti mal-Pulizija li huwa kien sabha ħdejh mingħajr ħajja filgħodu u li ma kienx hu li qatilha.

Ftit tal-ħin wara huwa kien qal lill-Pulizija meta kien qed jiġi nterrogat li l-vittma Maria Lourdes Agius ftit qabel ma mietet kienet qaltlu biex jagħmel il-kurċifiss ma’ għonqa u li xtaqet tmur biex hu  jibda jgħix ma’ mara minn Marsaxlokk għax kien ħaqqu jgħix ħajja aħjar milli kien qed jgħix magħha,

Dan ħareġ meta l-Erbgħa kompla l-ġuri fil-konfront ta’ Emmanuel biex ikun magħruf jekk waqt il-kummissjoni tad-delitt l-akkużat kienx fi stat mentali ta’ ġenn. Fl-awla Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, l-ġurati segwew filmati tal-interogazzjoni li saret fil-15 ta’ Settembru fil-konfront ta’ Emmanuel.

Immexxija mill-Ispettur James Grech saru żewġ stqarrijiet figħaxija fi spazju ta’ tliet siegħat fejn fl-ewwel stqarrija Emmanuel baqa’ jiċħad li hu kien faga lis-sieħba tiegħu. Minkejja d-diversi tenttativi tal-Ispettur Grech li staqsieh kemm il-darba biex jammetti li kienj hu li faga lil Maria Lourdes Agius, dan baqa’ jiċħad.

“Kontu int u hi biss fil-kamra tas-sodda, u din ma setgħetx tifga’ waħidha…..l-awtopsja turi li hija mietet fgata, li kellha diversi feriti u f’diversi partijiet ta’ ġisimha …jekk kontu int u hi fil-kamra, allura bilfors li int qtiltha. Din ma fgatx permezz ta’ ħabel, imma fgat billi xi ħadd uża l-forza, allura bilfors kont int li qtiltha”, kien staqsa l-Ispettur Grech diversi drabi lill-akkużat fid-Depot tal-Pulizija.

Minkejja dan kollu huwa baqa’ jiċħad li kien hu li kkommetta d-delitt. Beda jgħid li sabha ħdejh filgħodu bla ħajja. Meta saret it-tieni stqarrija fil-konfront ta’ Emmanuel, huwa qal li matul il-lejl, hija kienet qaltlu biex iġib kurċifiss biex jagħmilulha ma’ għonqha għax riedet tmut u dan biex hu jkollu ħajja aħjar.

Kienet taf li kellu grazzja ma’ mara minn Marsaxlokk u li ta’ spiss kien imur ifittxha, imma skont hu qatt ma ltaqa’ magħha. Qal ukoll li ftit dak il-lejl kienet qaltlu li wild li hu ħaseb li kien tiegħu, ma kienx u ovvja li dak il-ħin ma ħax pjaċir, Madankollu huwa baqa’ jinsisti li ma kienx hu li qatilha.

Waqt l-istqarrija beda biex jgħid li kien iltaqa’ ma’ Maria Lourdes Agius San Ġiljan u hemm kienb offrielha €60 biex ikollu x’jaqsam magħha u hi aċċetta. Minn hemm il-quddiem bdiet relazzjoni bejniethom u baqa’magħha għal aktar minn tliet snin. Aktar ma għadda ż-żmien l-affarijiet bdew jiddeġeneraw u li anke kien hemm mumenti fejn kellu xi jgħid anke ma’ ommha, l-aktar meta minn San Pawl il-Baħar mar jgħix fl-appartament tagħha Raħal Ġdid.

L-Ispettur Grech waqt l-interegazzjoni semmietlu wkoll il-fatt li jumejn qabel ma nqatlet il-vittma, hu kien ta xeba’ lilha u lil ommha fejn dawn spiċċaw it-tnejn Mater Dei b’diversi ġrieħi. Grech qallu li tant kemm kienet gravi s-sitwazzjoni li l-vittma bix-xeba’ li kienet qalgħet lanqas pizza ma felħet tiekol.

Ħareġ ukoll mill-interogazzjoni li wara li seħħ dan l-inċident ta’ jumejn qabel, omm il-vittma bi qbil ma’ ħu l-vittma kienu tefgħuh il-barra mir-residenza f’Raħal Ġdid, iżda meta kien mar lura biex jidħol, kontra l-parir ta’ omm il-vittma, Maria Lourses daħlitu xorta’ d-dar. L-Ispettur Grech staqsa wkoll waqt l-interogazzjoni li fil-lejl tal-qtil, għall-ħabta tal-4.00 a.m. hu nstema’ tiela’ u nieżel fuq il-bejt.

Għal ħafna ħin fl-interogazzjoni l-akkuzat qal lill-Pulizija li huwa kien jieħu ħsieb sew l-tfal tas-sieħba tiegħu, mhux biss dawk li kienu tiegħu, imma anke l-oħrajn. Dan il-fatt qatt ma kien kontestat mill-Pulizija. Ħareġ ukoll li omm il-vittma kienet ħasbet li bintha kienet baqgħet rieqda filgħodu, wara li xis-7.00 a.m. kien l-istess akkużat li kien mar l-Għassa tal-Pulizija jagħmel rapport li s-sieħbha tiegħu kienet bla ħajja fis-sodda.

Omm il-vittma kienet ħasbet li bintha baqgħet rieqda minħabba l-istess xeba’ li kienet qalgħet mingħand l-akkużat jumejn qabel u għalhekk ħasbet li kienet għadha qed tistrieħ u li kienet għadha għajjiena.

Emmanuel kien wasal Malta bħala immigrant illegali fid-29 ta’ Marzu tal-2011. Quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera Michael Emmanuel qed jgħid li huwa ma kienx fi stat mentali normali meta wettaq ir-reat, li kien seħħ fil-15 ta’ Settembru li għadda f’Raħal Ġdid, bil-vittma tinstab fgata fil-kamra tas-sodda tagħha taħt il-friex.

L-akkużat kienu ilu jgħix mal-vittma għal kważi erba’ snin u kellu żewġ t’itfal mill-vittma li kellha seba’ wlied. L-Avukati tiegħu, li huma tal-għajnuna legali huma Marc Sant u Dustin Camilleri filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Matthew Xuereb u Charles Mercieca. Il-każ ikompli l-Erbgħa filgħodu.

Xehed ukoll l-espert forensiku Mario Scerri li kkonferma li l-vittma mietet fgata. Huwa semma’ wkoll kellha wkoll ġrieħi kompatibbli ma persuna li tkun qed tiġi fgata u tagħmel reżistenza.