Unjoni Ewropea

ELETTI: Metsola u Casa kordinaturi tal-Grupp tal-PPE

Il-Membri  Parlamentari Ewropej f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola u David Casa ġew eletti unanimament bħala Kordinaturi għall-Grupp tal-PPE fil-Kumitati Parlamentari rispettivi tagħhom.

Roberta Metsola ġiet eletta Kordinatriċi għall-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern filwaqt li David Casa ġie elett Kordinatur fi ħdan l-istess grupp fuq il-Kumitat tax-Xogħol u l-Ġustizzja Soċjali.

Net News jinsab fi Strasburgu fejn ħa l-kummenti ta’ dawn iż-żewġ MEPS ftit mumenti wara l-elezzjoni tagħhom.

Roberta Metsola esprmiet is-sodisfazzjoin tagħha għall-elezzjoni tagħha bħala kordinatriċi tal-kumitat li se jkun qed jiddiskuti l-immigrazzjoni, is-saltna tad-dritt, id-demokrazija, it-terroriżmu u s-sigurtà filwaqt li David Casa saħaq li l-qasam soċjali u dak tax-xogħol dejjem kienu għal qalb il-Partit Nazzjonalista u għaldaqsant se jkompli jaħdem bil-qalb f’dawn iż-żewġ oqsma.

Il-kariga ta’ Roberta Metsola waslet wara li ntgħażlet mill-Grupp tal-PPE biex tmexxi n-negozjati għall-programm ta’ prijoritajiet tal-UE għall-ħames snin li ġejjin. “Ninsab sodisfatta li ġej eletta u li għamilt dan bl-appoġġ tal-kollegi tiegħi. Hu ta’ unur għalija bħala rappreżentanta ta’ Malta u Għawdex li ngħatajt il-fiduċja b’din il-kariga. Dan ifisser li se nkun nista’ niddefendi l-pożizzjoni Maltija f’liġijiet kruċjali Ewropej fil-ħames snin li ġejjin, u naħdem bi sħiħ biex insarraf il-fiduċja li tagħni l-poplu Malti u Għawdxi. Se nkomplu niksbu l-aqwa riżultati fl-Ewropa u ngħelbu r-realtajiet tal-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta.

Minn naħa tiegħu, David Casa emfasizza li d-drittijiet li ngħataw permezz tad-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol għandhom jiġu implimentati kemm jista’ jkun malajr biex ikun assigurat li l-familji Maltin u Għawdxin jibbenefikaw minn dawn id-drittijiet, bħal-leave tal-ġenituri u l-missirijiet kif ukoll il-carers’ leave. “Biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji u l-ħaddiema, ma nistgħux nitilfu aktar żmien. F’din il-leġiżlatura, se nkomplu naddottaw liġijiet ġodda li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kif ukoll li jassiguraw li l-familji jqattgħu biżżejjed ħin flimkien,” qal l-MEP Casa.

Il-kumitati għandhom rwol influwenti ferm f’dik li hija l-leġislazzjoni fil-Parlament Ewropew. Dan għaliex dawn il-kumitati jridu jgħarblu kull liġi li tiġi mfassla  mill-Parlament u jiddiskutuha biex imbagħad jipprezentaw il-pożizzjoni tagħhom dwarha u jressqu l-emendi li jaraw li huma meħtieġa.