Il-Brażil għaddiet għall-ewwel finali tal-Copa America mill-2007 wara rebħa ta’ 2-0 fis-semifinali kontra r-rivali l-Arġentina li b’hekk għadhom qed jistennew għall-ewwel unur wara 26 sena. Din il-logħba reġgħet ikkonfermat is-saħħa tal-Brażil fil-fażi difensiva hekk kif għadhom ma sofrewx gowl f’din l-edizzjoni.
Kienet l-Arġentina li wara 12-il minuta marret qrib l-ewwel b’xutt ta’ Leandro Paredes minn barra l-kaxxa li għadda ftit għoli. Il-Brażiljani fetħu l-iskor wara 19-il minuta bi kross mil-lemin ta’ Roberto Firmino jsib lil Gabriel Jesus li minn qagħda ideali għeleb lil Franco Armani mill-viċin. Ċans għat-tim Arġentin li jġib id-draw man-nofs siegħa logħob b’daqqa ta’ ras ta’ Sergio Aguero li ħabtet mal-mimduda, bl-Arġentini juru li ma kinux inferjuri fil-ġurnata.
Coutinho seta’ rdoppja fis-56 minuta iżda x-xutt tiegħu għadda għoli minn pożizzjoni ċentrali u żewġ minuti wara Lionel Messi għeleb lil Alisson Becker b’xutt b’saħħtu iżda ġie mċaħħad mill-wieqfa. Fis-66 minuta l-gowlkiper Brażiljan salva tajjeb free-kick perikoluż ta’ Messi.
It-tim ta’ Tite rdoppja fil-71 minuta meta din id-darba kien Gabriel Jesus li b’azzjoni fuq in-naħa xellugija, fetaħ tajjeb għan-nofs lejn Roberto Firmino li qabbeż fuq Armani.
//= $special ?>