Iċ-champions Afrikani l-Kamerun u l-Benin spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls, riżultat li ra liż-żewġ timijiet jgħaddu mal-aħħar 16 tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani. B’hekk il-Kamerun spiċċat fit-tieni post ta’ Grupp F u se taffronta lin-Niġerja.
Il-Benin għaddiet bħala wieħed mill-aħjar erba’ timijiet li spiċċaw it-tielet u tilgħab kontra l-Marokk. L-aħjar okkażjonijiet tal-Kamerun waslu minn Ambroise Oyongo u Eric Choupo-Moting iżda t-tentattivi tagħhom kienu salvati. Fuq in-naħa l-oħra Stephane Sessegnon kellu free-kick li għadda ftit barra.
Mill-istess grupp, il-Ghana rebħet 2-0 kontra l-Guinea-Bissau u spiċċat rebħet il-grupp. Jordan Ayew fetaħ l-iskor fil-bidu tat-tieni taqsima wara li rċieva mingħand Abdul Rahman Baba, biex Thomas irdoppja fit-72 minuta meta kompla għal ġewwa mill-viċin.
Minn Grupp E, il-Mali kkonfermat ir-rebħ tal-grupp wara li rebħet 1-0 kontra l-Angola. Il-gowl deċiżiv wasal fis-37 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Amadou Haidara. Fil-logħba l-oħra, it-Tuneżija għaddiet anki jekk spiċċat 0-0 kontra l-Mauritania. B’hekk it-Tuneiżi għaddew mill-grupp bi tliet draws.
Grupp E: Angola v Mali 0-1, Mauritania v Tuneżija 0-0
Grupp F: Benin v Kamerun 0-0, Guinea-Bissau v Ghana 0-2
Fażi tal-aħħar 16
Il-Ġimgħa: Marokk v Benin 6.00pm, Uganda v Senegal 9.00pm
Is-Sibt: Niġerja v Kamerun 6.00pm, Eġittu v Afrika ta’ Isfel 9.00pm
Il-Ħadd: Madagascar v Kongo 6.00pm, Alġerija v Guinea 9.00pm
It-Tnejn:Mali v Kosta tal-Avorju 6.00pm, Ghana v Tuneżija 9.00pm
//= $special ?>