Il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar ikkonferma li l-Gvern Laburista mhu se jieħu l-ebda azzjoni minkejja twissija ċara li rċieva mingħand l-Ombudsman.
Dan jumejn wara li l-Ombudsman Anthony Mifsud wissa’ lill-Gvern ta’ Joseph Muscat li l-ħatriet tal-persons of trust ħarbu minn idejn il-Gvern.
Fir-rapport annwali tiegħu, l-Ombudsman jinnota li sal-2018 in-numru ta’ persuni f’positions of trust kien ilaħħaq is-683 persuna. Iżda Cutajar għażel li jinjora din il-kritika.
“I beg to differ,” iddikjara Cutajar li kompla: “U għalkemm għandi rispett kbir lejn l-Ombudsman, ma nistax nifhem il-kalkoli tiegħu.”
L-Ombudsman esprima wkoll tħassib li l-ħatriet lanqas biss huma korretti skont il-kostituzzjoni u saħansitra ddikjara li xi ħaġa bħal din jista’ jkun li finalment tispiċċa quddiem Qorti Kostituzzjonali.
Iżda Mario Cutajar qal li ma jistax jifhem kif din tista’ ssir. “Ma nafx kif se titressaq quddiem Qorti Kostituzzjonali imma hi rrelevanti.”
L-Ombudsman innota li l-Gvern ma tax każ informazzjoni li waslitlu mill-Uffiċċju tieghu, u m’aġixxiex dwarha. Imma din kienet r-risposta ta’ Cutajar li mill-ġdid immina dak li qal l-Ombudsman.
“I never mishandle anything, u ma nafx fuq xiex qed jitkellem,” stqarr il-Kap taċ-Ċivil.
Dan apparti li fir-rapport hemm diversi twissijiet oħra, fosthom li l-Gvern qed jirrifjuta li jagħti mediċina essenzjali b’xejn lil persuni li ħaqqhom jirċevuha u huma intitolati għaliha.”