Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran ikkjarifika r-raġunijiet għaliex iż-żewġ għawwiema Maltin ma pparteċipawx fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Universiade. Hu wieġeb għall-kummenti li għadda ftit jiem ilu l-President tal-Malta University Sports Club Jozef Spiteri.
Caruana Curran qal li biex ikunu magħrufa l-għawwiema li kienu se jipparteċipaw f’din l-edizzjoni f’Napli kif ukoll l-għawwiema li se jipparteċipaw fil-Kampjonat tad-Dinja f’Gwangju aktar tard dan ix-xahar, il-kejl għalihom kien il-prestazzjonijiet fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li proprju spiċċaw fl-1 ta’ Ġunju li għadda. Dawn il-Logħob kien l-aħħar ċans għalihom biex jikkwalifikaw għall-Kampjonati tad-Dinja.
Għalhekk qabel din id-data huma ma setgħux jgħaddu d-dettalji neċessarji ta’ dawk li kienu se jikkompetu fl-Universiade biex ikunu jistgħu jmexxu fl-aspett loġistiku. Il-President tal-ASA qal li hu ma jistax jaqbad u jibgħat l-għawwiema bl-addoċċ mingħajr ma jinkisbu r-riżultati u żied li dawn il-Kampjonati tad-Dinja huma importanti għaliex mingħajr din il-parteċipazzjoni, l-għawwiema Maltin ma jkollhomx il-possibbiltà li jipparteċipaw fl-Olimpjadi tas-sena d-dieħla f’Tokyo.
Joe Caruana Curran qal li l-MUSC kienet avżata b’dan kollu diversi xhur ilu u ċaħad dak li qal Spiteri li ma sabx koperazzjoni mill-assoċjazzjoni tagħhom. Hu saħansitra wera diversi komunikazzjonijiet li għamel b’mod personali mal-Federnuoto Taljana biex jikseb kuntatt ta’ Roberto Autorino li hu d-Direttur tal-Isport u Operattiv ta’ dawn il-Logħob u jsiru l-arranġamenti neċessarji biex l-għawwiema flimkien mal-atleti tal-judo u l-isparar ikunu jistgħu jieħdu sehem.
“Jien qatt ma nista’ naċċetta li neħlu aħna ta’ żball li għamel ħaddieħor,” temm jgħid Caruana Curran.
//= $special ?>

