Lokali

Infermiera li taħdem f’Malta sekwestrata minn familtha biex ma tarax lill-għarus

Żagħżugħa Indjana ta’ 27 sena li taħdem bħala infermiera f’Malta nħelset mill-Pulizija wara li familtha ssekwestratha u qaflitha f’darhom biex ma tibqax tiltaqa’ mal-għarus tagħha.

Il-każ seħħ f’Rivanazzano Terme, fejn il-Pulizija Taljana skopriet li t-tfajla nqaflet minn familtha stess li ma tapprovax ir-relazzjoni ma’ żagħżugħ li hu wkoll Indjan.

Jidher li l-familja tagħha serqulha d-dokumenti, mobile kif ukoll illimitawlha l-ħruġ sakemm ma tkunx akkumpanjata minn xi membru tal-familja. Dan bl-iskop li tinsa’ lill-għarus tagħha.

Kien wara li waqaf jisma’ mingħandha li ż-żagħżugħ Indjan għamel rapport lill-Pulizija li finalment daħlu fl-appartament ta’ ħuha, fejn kienet qed tinżamm u lliberawha.

Rapporti fl-Italja jindikaw li la ħuha u lanqas il-ġenituri tagħha ma’ għamlu xi tip ta’ reżistenza, anzi dehru sorpriżi bir-rejd tal-Pulizija.

Bil-ġenituri li qed ikunu investigati, it-tfajla ttieħdet lejn post sigur fejn iltaqgħet mill-ġdid mal-għarus tagħha u mistennija tirritorna f’Malta biex tkompli b’xogħolha.