Lokali Parlament Sport

Is-sidien taż-żwiemel jibqgħu b’diversi domandi mhux imwieġba

Arkivji

Is-sidien taż-żwiemel tat-tiġrija jibqaw b’diversi domandi mhux imwieġba dwar il-futur ta’ dan l-isport u l-premijiet marbuta miegħu.

Wara diskussjoni u insistenza fil-Parlament minn naħa tal-Oppożizzjoni, intlaħaq qbil li l-premijiet se jkunu qed jiżdiedu sa 3% kull sena għal perjodu ta’ 65 sena.

Madanakollu, l-Oppożizzjoni qed titlob biex il-Gvern qed jerġa’ jitkellem ma’ rapreżentanti tal-Malta Racing Club (MRC) biex ikunu jistgħu jitwieġbu l-mistoqsijiet kollha filwaqt li jitpoġġew l-ewwel il-bżonnijiet ta’ dawn id-dilettanti – kif qed tinsisti l-Oppożizzjoni.

Dan kollu ħareġ waqt sessjoni tal-Kumitat Parlamentari tal-Verifika hekk kif minkejja l-isforzi tal-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar l-Isport, Ryan Callus, għal bidu hu baqa’ mingħajr tweġiba.

Is-Segretarju Parlamentari dwar l-Isport, Clifton Grima għal bidu naqas milli jagħti persentaġġ ta’ kemm dawn se jkunu qed jiżdiedu, b’riżultat li ma tax garanzija lis-sidien taż-żwiemel.

Hu mifhum li l-korsa taż-żwiemel fil-Marsa se tkun qed tittieħed minn operatur partikolari. Minkejja li l-premijiet huma s-sors li jħajru u jżommu lin-nies biex jipparteċipaw fit-tiġrijiet taż-żwiemel, dan jidher li mhux jingħata l-importanza li jixraqilhom.

Minn naħa l-oħra, il-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi, Mario de Marco saqsa diversi mistoqsijiet dwar il-futur ta’ dan l-isport u anke dwar dawk li huma parti mill-operatur.

Madanakollu, la r-rapreżentant tal-operatur u lanqas is-Segretarju Parlamentari dwar l-Isport, Clifton Grima ma kienu kapaċi jwieġbu. Dan jikkonkludi li nies responsabbli m’għandhomx idea ta’ dan il-proġett hekk kif qas kienu kapaċi jwieġbu mistoqsijiet sempliċi.

Prezenti għal-laqgħa kien hemm ukoll il-whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar.