Issofri ġrieħi serji f’inċident bejn karozza u mutur f’Għajn Dwieli

Mara qed issofri minn ġrieħi serji hekk kif għal xi raġuni kien hemm impatt bejn bejn karozza tat-tip Ford u mutur f’Għajn Dwieli għall-ħabta ta’ 12.10pm.

Il-każ seħħ hekk kif għal xi raġuni l-mutur, li kien misjuq mill-mara ta’ 52 sena residenti l-Kalkara, ħabat man-naħa ta’ wara tal-karozza u nqeleb fuq il-ġenb. Fil-karozza kien hemm biss sewwieq ta’ 36 sena li kien qed isuq fid-direzzjoni lejn il-mini ta’ Bormla.

Fuq il-post issejħu pulizija, u tim mediku mill-Isptar Mater Dei fejn iktar tard hi ttieħdet għal iktar kura.

Għal xi ħin kien hemm għad ta’ pulizija li qed jikkontrollaw it-traffiku minħabba l-fatt li waħda mill-karreġjati ma setgħetx tiġi użata.

Il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud ġie nfurmat bil-każ u ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh. L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.