Sport Waterpolo

Jake Muscat mistenni jkollu esperjenza fil-Montenegro

(Ritratt: Trevor Sollars)

Jake Muscat hu meqjus bħala wieħed mit-talenti tal-futur tal-waterpolo lokali. Jilgħab ma’ Neptunes u fl-etàta’ 16-il sena diġà għamel id-debutt mat-tim tal-kbar  Żagħżugħ li spikka b’mod partikolari fl-edizzjonijiet ta’ din is-sena tal-Enemed Cup kif ukoll fil-Kampjonat tax-Xitwa. Plejer li diġà għamel ukoll id-debutt mat-tim nazzjonali mmexxi minn Karl Izzo. L-imħabba ta’ Muscat għall-isport tal-waterpolo beda permezz tal-għawm. Hu kien jipprattika dan l-isport sakemm ra l-waterpolo logħba isbaħ bil-ballun u fl-età ta’ 14-il sena waqaf mill-għawm u kompla l-waterpolo.

Muscat beda jkun utilizzat fl-iskwadra ewlenija taċ-champions Neptunes mill-Kampjonat tax-Xitwa tal-2018 u minn dakinhar kompla jżid fil-logħob tiegħu u anki sab ix-xibka diversi drabi. Fil-Kampjonat tax-Xitwa hu skorja erba’ darbiet, ftit ġimgħat biss wara li kienu għadu għalaq il-15-il sena, u fil-Kampjonat tas-Sajf Muscat sab ix-xibka darbtejn.

Tkellimt maż-żewġ kowċis preżenti tiegħu, jiġifieri l-kowċ nazzjonali Malti Karl Izzo u l-kowċ ta’ Neptunes Jovan Popovic, dwar kif jaħsbuha fuq Jake Muscat. Izzo qal li Jake Muscat hu wieħed mill-aktar talenti li żviluppa fil-waterpolo Malti, ilu jsegwih u jemmen li nisimgħu aktar bih fil-futur. “Bħala kowċ jiena naħseb li huwa plejer li aktar ma jitlaq jilgħab barra minn Malta, iktar aħjar.”

(Ritratt: Trevor Sollars)

Il-kowċ ta’ Neptunes Jovan Popovic jgħid li Muscat hu l-aqwa talent żagħżugħ f’Malti u fost l-aqwa fl-Ewropa. “Irid ikompli jaħdem mhux biss fuq il-potenzjal fiżiku imma wkoll mentalment irid ikun aktar kalm. Imma naħseb li għandu potenzjal tajjeb li jkun plejer tajjeb ħafna.” Fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Enemed Cup, Jake Muscat ta’ 16-il sena, spiċċa l-aqwa skorer tal-kompetizzjoni b’25 gowl minn seba’ logħbiet filwaqt li skorja medja ta’ żewġ gowls, fil-logħbiet li lagħab fil-Kampjonat tax-Xitwa.

Il-futur ta’ Jake Muscat

Żgur li ħafna drabi smajna jintqal li biex il-plejers Maltin jitjiebu, iridu jmorru jilagħbu barra. Jidher li ftit xhur oħra, il-futur ta’ Jake Muscat jista’ jkun barra minn Malta.

“Naħseb li issa l-punt li jmiss huwa li jmur jilgħab barra. Diġà għandna pjanijiet għalih jiġifieri, ħa jmur nisperaw il-Montenegro jiġifieri kważi wasalna ffinalizzajna l-kuntratt tiegħu wkoll biex imur jittrenja mal-Jadran Herzeg Novi u jilgħab ukoll,” kompla Izzo. Popovic jittama li Muscat jirreżisti fil-Montenegro għaliex sostna li jekk jirnexxilu jagħmel dan, jista’ jsir plejer importanti.

Jake Muscat jaqbel mal-fatt li l-plejers Maltin għandhom imorru jilagħbu barra. “Hawn Malti tipò tittrenja ma’ plejers ta’ daqsek u hemm tittrenja ma’ plejers aħjar, mhux tal-livell tiegħek,” saħaq Muscat.

(Ritratt: Joseph Galea)

Fejn jista’ jitjieb Jake Muscat?

Għalkemm Jake Muscat għandu potenzjal indiskuss, fl-età tiegħu żgur li għad fadallu ħafna x’jitgħallem. Karl Izzo li ilu jsegwi sew lil dan iż-żagħżugħ, jemmen li għad fadallu ħafna x’jirranġa.

“Jista’ jrebbħek u jista’ jtellfek logħba Jake jiġifieri mhux qed ngħid xejn ta’ barra minn hawn jiġifieri, jiena mal-Under 17 hu l-istilla tiegħi jiġifieri jekk jiddeċiedi li jkollu off-day speċjalment bħala karatterjalment jista’ jħarbatlek it-tim kollu. Imma fuq dawn għadu żgħir għadu tifel żgħir, issa għadu kemm għalaq 16 issa jiġifieri hemm fejn naħdmu. Naħseb jiena jekk kif imur barra minn Malta żgur il-karattru tiegħu ħa jinbidel totalment, ħa jsir aktar professjonali.”

L-istess Jake Muscat bl-aktar mod sinċier, jammetti li l-akbar difetti tiegħu huma t-temperament u li ma jaċċettax telfa. Iżda hu stess jemmen li jista’ jitjieb jekk isolvi dawn id-diffikultajiet.

(Ritratt: Trevor Sollars)

Il-bilanċ bejn l-att akkademiku u l-isport

L-isfida ta’ kull żagħżugħ Malti li jipprattika l-isport hu l-bilanċ bejn l-att akkademiku u l-isport. Għal dawn l-aħħar ħames snin, Jake Muscat attenda l-Iskola Nazzjonali tal-Isport, skola li fetħet lura fl-2012 u minn dakinhar offriet diversi opportunitajiet għal żgħażagħ bħal Jake li setgħu jibqgħu jitgħallmu l-iskola iżda mingħajr ma jittraskuraw l-isport favorit tagħhom.

Issa li għadda l-ħames snin tiegħu f’din l-iskola, iż-żagħżugħ ta’ Neptunes iħares lura lejn dawn is-snin b’sodisfazzjon filwaqt li jagħti wkoll parir lil sħabu u oħrajn tal-età tiegħu dwar kif jistgħu jlaħħqu bejn l-iskola u l-isport favorit tagħhom.

“Għandhom bżonn time management tajba, ikollhom ħin għal kollox irid ikun, ħin għall-istudju u ħin għall-isport. Għalija aħjar jekk ma tieqafx sport u tkompli tistudja u tkompli l-isport ukoll, minflok tieqaf sport u tistudja biss.” Dawk midħla tal-waterpolo lokali, jafu bil-kwalitajiet ta’ Jake Muscat. Talent ta’ 16-il sena li jekk jimxi fid-direzzjoni t-tajba, minkejja l-età tenera tiegħu, jista’ verament ikun meqjus bħala stilla tal-futur.

Din l-intervista xxandret waqt il-programm Man Up+ tat-Tnejn li għadda. Il-programm sħiħ tistgħu ssegwuh fil-link ta’ taħt.

https://netondemand.mt/play/3183?fbclid=IwAR1KaOLv3xcngb-sMfWEBbyX_lgiDr4kv_2ebFcKQmjrBK4jdXhd6a1KCiQ