Ewropa Unjoni Ewropea

KONTINWAMENT AĠĠORNATA: Segwi dak li qed jiġri fil-Parlament Ewropew

13:06 David Maria Sassoli ġie elett President tal-Parlament Ewropew hekk kif kiseb il-maġġoranza tal-voti fit-tieni rawnd tal-votazzjoni.

Hu kiseb 345 vot biex ġab 9 voti iktar minn dawk li kellu bżonn biex jirbaħ il-maġġoranza.

 

12:32 Tintemm it-tieni rawnd tal-votazzjoni u jerġa’ jibda l-proċess tal-għadd tal-voti. 

11:21 L-MEPs qed jerġgħu jixħtu l-voti tagħhom wara li fl-ewwel rawnd is-Soċjalist Taljan kien kważi kiseb il-maġġoranza meħtieġa biex jassigura il-kariga ta’ President.

11:18 Wara li fl-ewwel rawnd tal-votazzjoni, l-ebda kandidat ma kiseb il-maġġoranza, il-Membri Parlamentari se jgħaddu għat-tieni rawnd. David Maria Sassoli tas-Soċjalisti naqas li jikseb il-maġġoranza għal biss 7 voti.

Il-voti mixħuta fl-ewwel rawnd kienu 735 li minnhom 662 kienu validi. Sassoli kiseb 325 vot.


10:18 Għadha kemm għalqet l-ewwel rawnd ta’ votazzjonijiet f’din is-sessjoni. Issa jibda l-proċess tal-għadd tal-voti. Jekk ma jkunx hemm kandidat wieħed li jirnexxielu jikseb il-maġġoranza tal-voti mixħuta, isir rawnd ieħor ta’ votazzjoni sakemm kandidat wieħed jirnexxielu jagħmel dan.

10:05 Il-Membri Parlamentari Ewropej bħalissa qegħdin jixħtu l-vot tagħhom fl-għażla tal-President tal-Parlament Ewropew. B’kollox hemm 751 Membru Parlamentari li għandhom id-dritt jivvutaw f’din l-elezzjoni.

L-iżgħar Membru Parlamentari f’dan il-Parlament hija d-Daniża Kira Peter-Hansen li għad għandha 21 sena.

L-akbar huwa Silvio Berusconi l-ex Prim Ministru Taljan li għandu 82 sena.

Wara li lbieraħ fi Brussell jidher li ntlaħaq ftehim dwar min se jkun qed jassumi erba’ mill-aktar karigi għolja fi ħdan l-istituzzjonijet tal-Unjoni Ewropea , bħalissa fi Strasburgu qed ssir l-elezzjoni għall-Presidenza tal-Parlament Ewropew.

L-erba’ kandidati li qed jikkontestaw biex jieħdu post Antonio Tajani għas-sentejn u nofs li ġejjin huma Ska Keller għall-Ħodor, Sira Rego tax-Xellug, David Maria Sassoli għas-Soċjalisti u Jan Zahradil għall-Konservattivi.

Tajani kien ilu fil-kariga minn Jannar tal-2017 li ħa t-tmexxija minn idejn is-Soċjalist Martin Schulz li kellu din il-kariga fl-ewwel nofs tal-leġislatura.

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Parlament irid jeleġġi l-President tal-Kummissjoni li għalih ġiet innominata l-Ministru tad-Difiża, Ġermaniża Ursula von der Leyen.

Karigi oħra li jridu jiġu kkonfermati mill-istituzzjonijiet Ewropew huma dawk tal-President tal-Kunsill tal-Ewropa li għalih tressaq l-isem tal-Prim Ministru Belġjan Charles Michel, dik tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-politika tas-Sigurtà li għalih qed jissemma Josep Borrell Fontelle u dik ta’ President tal-Bank Ċentrali li tidher li se tkun Christine Lagarde.