Meta kompliet il-kumpilazzjoni dwar il-każ ta’ ta’ Lassana Cisse li nqatel fis-6 t’April li għadda, l-Maġistrat Ian Farrugia wissa lil wieħed mix-xhieda, li jiġi l-kuġin ta’ wieħed mill-akkużati Francesco Fenech biex jixhed sew u jgħid il-verità. Dan wara li nesa lil kuġinuh fix-xhieda tiegħu u tkellem biss fuq l-akkuzat l-ieħor Lorin Scicluna. “Ixhed sew għax se nitfak isfel”, qallu f’mument minnhom il-Maġistrat.
Iż-żewġ akkużati, li huma eks sultadi u qed jiġu akkużat fil-Qorti bil-qtil ta’ Lassana Cisse fi Triq il-Ġebel Birżebbuġa, u li darbu serjament żewġ immigranti oħra, daħlu fl-awla b’libsa sewda. German beda jirrakkonta kif iltaqa’ l-ewwel darba ma’ Lorin meta waqfitilhom il-karozza ħdejn il-garaxx tiegħu għax kienet bla petrol u ħareġ jagħti daqqa t’id.
German tkellem dwar kif nibtet ħbiberija bejniethom meta skoprew li għandhom delizzju komuni, dik li jħobbu l-armi u l-isparar u kienu ta’ spiss imorru flimkien ix-shooting range.
Qal ukoll kif innota li Lorin kien jgħaddi kummenti razzisti fir-rigward tal-barranin u li kien semmielu li jrid jespandi l-kanna tas-CZP10C (tal-pistola), b’German jgħid li wissih biex dan ma jagħmlux għax iweġġa’ hu u ta’ madwaru.
Għal ħafna drabi beda jgħid li Lorin huwa razzist u anke Nażżist, u kien hemm mumenti fejn ma bedhiex iħalli lill-Avukat Franco Debono, li qed jidher għal Lorin Scicluna, jispiċċa d-domandi, tipo ta’ konfrontazzjoni. Kien hawn li l-Qorti wissietu u qaltlu li jekk kien se jibqa’ sejjer hekk, kien se “jitfgħu isfel” jiġifieri jarrestah.
Meta mistoqsi mill-Avukat Giannella de Marco, li qed tidher għal Francesco Fenech, ix-xhud qal li Lorin lissinlu xi ħaġa, li jrid ineħħi r-rifling tal-kanna u l-ballal biex ma jkunux jistgħu jitqabblu mal-arma u qal li ma qallux għal liema raġuni ried jagħmel hekk.
German qal li Lorin donnu nduna li fehem x’kien qed jipprova jagħmel u biex ibeżżgħu, qallu li miegħu kien hemm Francesco u li filfatt wara stqarr miegħu x’kien ġara dak inhar.
German irrakkonta li qallu – li kien qed jixrob fil-ħanut tal-pastizzi fejn kien jaħdem, tlaħlaħ ftit bix-xorb u mar Raħal Ġdid, neħħa n-number plates tal-karozza u ħa l-arma u mar Ħal Far.
Lorin qallu li spara xi seba’ jew tmien darbiet fuq xi persuni u baqa’ sejjer. Qallu wkoll li n-nies kienu ta’ karnaġġjon skur u li miegħu kien hemm Francesco Fenech. Lorin qal li kien rema l-munizzjon l-baħar f’Dellimara. Ix-xhud qal li dak il-ħin kesaħ u rrabja miegħu, għax hu jdejjquh dawn l-affarijiet.
Meta kkonfronta lil kuġinuh, Francesco ċaħad li qatt kien involut iżda qallu li darba kien involut b’Toyota Starlet meta niżlu għal immigrant li kien bir-rota. German qal li meta kien żgħir, trabbew flimkien u Francesco qatt ma wera sentimenti razzisti jew vjolenti.
Tenna li qabel is-6 t’April, wara li kuġinuh qallu li kellu xi jgħid ma’ persuna barranija, bagħatlu SMS fejn wissieh li jekk jagħmilha ma’ ċertu nies ikollu l-problemi miegħu. Kompla jirrakkonta wkoll li mill-aħbarijiet sema li kien hemm xi Toyota Starlet involuta fl-attentat qtil ta’ persuna barranija u għaddielu ħsieb minn rasu.
L-Avukat Franco Debono, staqsa lil German kif wasal biex ikklassifika lil Lorin razzist u lil Francesco le u jekk jaħsibx li l-messaġġ li bagħtlu kienx wieħed aggressiv.
Huwa wieġeb li le u li kellu s-suspetti tiegħu dwar Francesco wkoll. German qal ukoll li meta beżżgħu Lorin b’Francesco li kien miegħu, ħaseb li qallu hekk għax beża’ li se jmur jirrappurtah lill-Pulizija.
German kompla jgħid li Lorin qallu dwar l-inċident fl-20 ta’ April meta kienu fil-garaxx tiegħu meta Francesco qatt ma kien preżenti. Ix-xhud kompla jispjega li rari kienu jiġu flimkien Scicluna u Fenech għax ma kinux jaħdmu l-istess shifts ta’ xogħol, u meta kienu flimkien, dejjem fuq xogħol tkellmu.
Fil-Kontro-eżami tal-Avukat de Marco, meta Lorin qallu li spara fuq l-immigranti, Lorin u x-xhud kienu waħedhom u ma kien hemm ħadd. L-ewwel xhud fil-kumpilazzjoni kien is-Supretendent Josric Mifsud.
Waqt li kien qed jixhed l-uffiċjal tal-Pulizija, Lorin Scicluna nstema’ jibki fl-iżbarra filwaqt li Francesco Fenech deher iħares b’mod passiv il-quddiem.
Qal li kien mar fuq il-post u rrakkonta dak li ra meta wasal. Tenna li l-għada li seħħ l-inċident huwa kien mar l-isptar flimkien ma’ uffiċjali oħra fejn tkellmu maż-żewġ vittmi l-oħra. Huwa jgħid li wieħed mill-vittmi qal lill-Pulizija li kien sema żewġ ‘petards’ u karozza bajda u ftit wara sparalhom.
Ix-xhud jispjega li nġabret ix-xhieda tal-infermiera li kienu preżenti fuq il-post mill-Maġistrat inkwierenti. Ix-xhud kompla jgħid li huma tkellmu max-xufier tat-taxi li inzerta kien għaddej dakinhar li seħħ il-każ u ċempel lill-Pulizija.
Ix-xufier qallu li ra persuna mixħuta mal-art bid-demm nieżel. Ix-xufier kien saq nieżel biċċa u dawwar u kkonferma li aktarx kienet mejta. F’dal-punt ix-xufier ċempel lill-Pulizija. Da qallu li wara ra persuna ġej lejh, iddejjaq, tella’ t-tieqa u telaq minn fuq il-post.
Matul l-investigazzjoni nstab li kien hemm każ fi Triq il-Ġebel. Ir-rapport tal-immigrant li ttajjar fit-2 ta’ Frar ir-rapport kien daħal tard, fil-11 ta’ April. Il-Pulizija kienet bagħtet għall-vittma fit-12 ta’ April. Ir-raġel li kien ittajjar kien sofra ġrieħi gravi filwaqt li r-rapport mill-isptar iddaħħal fl-4 ta’ Frar.
L-uffiċjal spjega kif fil-bidu kien arrestat Lorin Scicluna iżda l-investigazzjonijiet waslu għal ċertu Francesco Fenech. Ix-xhud kompla jgħid li fi 19 ta’ Mejju huwa flimkien ma’ uffiċjali oħra, u Scicluna għamlu r-rotta. Huwa ppreżenta CD lill-Qorti b’filmat tar-rotta, spjega li huwa beda jiffilmja b’kamera iżda spiċċa bla battery u għaldaqstant kompla jiffilmja bil-mowbajl. Il-każ ikompli fis-16 ta’ Lulju li ġej.
.
//= $special ?>