Futbol Sport

L-Olanda fil-finali għall-ewwel darba b’gowl ta’ Groenen fil-ħin barrani

(Ritratt: EPA)

L-Olanda kkwalifikat għall-finali tat-Tazza tad-Dinja għall-ewwel darba wara li eliminat lill-Iżvezja 1-0 b’gowl tal-midfielder ta’ Manchester United Jackie Groenen fil-ħin barrani. Iċ-champions Ewropej jilagħbu kontra ċ-champions tad-dinja l-Istati Uniti fil-finali tal-Ħadd li ġej.

Quddiem attendenza ta’ 48,452 fi Stade de Lyon, iż-żewġ timijiet dehru resqin lejn l-għoti tal-penalties qabel ix-xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa ta’ Groenen ċaħħad it-tamiet tal-Iżvediżi li jaslu sal-finali għat-tieni darba, f’dik li kienet l-ewwel semifinali li ġiet deċiża fil-ħin barrani.

Partita tajba għall-gowlkiper Sari van Veenendaal li qabel kien żammet lill-Olandiżi fil-logħba bi tliet saves importanti qabel daqqa ta’ ras ta’ Vivianne Miedema kienet imċaħħda mill-mimduda. Is-sostitut Shanice van de Sanden pruvat b’xutt b’saħħtu li kien imdawwar f’korner minn Hedvig Lindahl bil-logħba tmur għall-ħin barrani.

L-Iżvezja kienet ġejja minn rebħa sorpriża kontra l-Ġermanja u f’xi ħinijiet dehru aktar kuntenti bi draw għalkemm wara l-gowl Olandiż, tefgħu kollox fuq l-attakk u poġġew il-pressjoni fuq l-Olandiżi. Huma jilagħbu l-logħba għat-tielet u r-raba’ post kontra l-Ingilterra s-Sibt li ġej.

L-Olandiżi saru t-tmien tim differenti li wasal sal-finali tat-Tazza tad-dinja tan-nisa. Din kienet it-tielet telfa minn erbgħa għall-Iżvediżi. Permezz ta’ din ir-rebħa l-finali tal-Ħadd se tkun kontestata minn żewġ kowċis nisa għat-tieni darba.