Sport Sport Ieħor

Roger Federer u Serena Williams jikkwalifikaw għat-tieni rawnd ta’ Wimbledon

(Ritratt: EPA)

It-tmien darbiet rebbieħ ta’ Wimbledon Roger Federer evita ħasda fl-ewwel set biex għeleb lid-debuttant Lloyd Harris u għadda għat-tieni rawnd. Federer li għandu 37 sena rebaħ 3-6, 6-1, 6-2, 6-2 u fir-rawnd li jmiss jilgħab kontra l-Britanniku Jay Clarke. Is-sid numru tlieta Rafael Nadal elimina mingħajr diffikultà lill-Ġappuniż Yuichi Sugita 6-3, 6-1, 6-3 biex fir-rawnd li jmiss jaffronta lil Nick Kyrgios.

Wara l-eliminazzjoni ta’ Stefanos Tsitsipas u Alexander Zverev, kien imiss lil Dominic Thiem biex ikun eliminat fl-ewwel rawnd. Hu tilef 6-7, 7-6, 6-3, 6-0 kontra l-Amerikan Sam Querrey. Ir-Russu Karen Khachanov hu l-uniku tennist li fadal mill-aqwa 10 li twieled fis-snin 90 u l-ebda tennist li twieled f’dan id-diċenju qatt ma rebaħ Grand Slam.

Fil-kompetizzjoni tan-nisa, is-seba’ darbiet rebbieħa Serena Williams ma sabitx diffikultà biex rebħet 6-2, 7-5 kontra Giulia Gatto-Monticone f’siegħa u 19-il minuta. Is-sid numru wieħed tad-dinja Ashleigh Barty u ċ-champion renjanti Angelique Kerber ukoll għaddew għat-tieni rawnd.

Barty rebħet 6-4, 6-2 kontra ċ-Ċiniża Zheng Saisai u tilgħab kontra l-Belġjana Alison van Uytvanck. Kerber għelbet lil Tatjana Maria 6-4, 6-3 u fit-tieni rawnd tilgħab kontra Lauren Davis.