Sport Waterpolo

Sliema jegħlbu lil Sirens bl-aħjar prestazzjoni tal-istaġun

(Ritratt: Matthew Tabone)

SIRENS GREENTUBE………….. 9 SLIEMA FRANK SALT……….. 14

(0-3), (4-2), (3-4), (2-5)

F’dik li tista’ tkun meqjusa bħala l-aħjar prestazzjoni tal-istaġun, Sliema Frank Salt kisbu rebħa importanti meta taw l-ewwel telfa lil Sirens Greentube. Ir-rebħa ta’ 14-9 mhux biss kienet meritata iżda beda joħroġ it-talent ta’ Gavril Subotic li sa issa ma kienx determinanti daqshekk għas-Slimiżi.

Sirens kienu ġejjin minn prestazzjoni mill-aqwa kontra Neptunes. F’din il-logħba huma wkoll kellhom bidu negattiv hekk kif kienu 3-0 minn taħt wara gowl ta’ Jerome Gabarretta u doppjetta ta’ Gavril Subotic. Iżda fit-tieni sessjoni, Sirens daħlu fil-logħba fit-tieni sessjoni b’żewġ gowls minn Paul Privitera u Isaiah Riolo. Sliema fetħu darbtejn vantaġġ ta’ tliet gowls iżda fiż-żewġ okkażjonijiet Sirens wieġbu biex daħlu jistrieħu biss gowl minn taħt.

L-istess andament baqa’ fit-tielet sessjoni, b’Sirens juru reżistenza. Subotic għamel l-iskor 6-4, iżda fi tliet okkażjonijiet Sirens naqqsu d-distakk għal gowl wara doppjetta ta’ Christian Presciutti u Valentino Gallo, sakemm Subotic skorja r-raba’ gowl personali u għamel l-iskor 9-7.

Presciutti skorja għal Sirens fl-aħħar sessjoni iżda Sliema kisbu l-vantaġġ li riedu meta skorjaw erba’ gowls konsekuttivi permezz ta’ doppjetta minn Subotic, Zach Mizzi u Nicholas Bugelli, distakk li żammewh sat-tmiem.

Sirens: N. Grixti, J. Zerafa Gregory, C. Presciutti (4), P. Privitera (1), M. Grech, J. Brownrigg, I. Riolo (1), V. Gallo (3), J. Napier, E. Aquilina, L. Caruana, M. Sciberras, O. Gauci, Z. Bartolo, G. Melillo

Sliema: J. Parnis, J. Gabarretta (2), G. Subotic (6), J. Sciberras, M. Meli, N. Hoznyansky, M. Spiteri Staines (1), L. Galea, B. Cachia (1), J. Gambin, Z. Mizzi (1), N. Bugelli (2), M. Vassallo, K. Borg, J. Cachia

Referees: Massimo Angileri, Giuseppe Fusco

Jitħabtu aktar milli mistenni

SAN ĠILJAN TUM INVEST…………. 18 MARSAXLOKK BROWN’S………… 12

(4-2), (5-5), (3-3), (6-2)

San Ġiljan TUM Invest tħabtu aktar milli mistenni iżda finalment ħadu dak li riedu. Id-distakk ta’ sitt gowls jista’ jitqies konvinċenti iżda dan id-distakk immatura fl-aħħar sessjoni. Mertu jmur għal Marsaxlokk li offrew oppożizzjoni denja kontra tim aktar kwotat. Wieħed irid jara kemm se jżommu dan il-livell għall-partiti l-oħra.

Il-Ġiljaniżi setgħu kienu ftit kunfidenti żżejjed qabel il-logħba iżda Marsaxlokk immexxija tajjeb minn Joe Cremona bdew mill-ewwel preparati li ma jħallux lill-avversarji jgħaddu minn fuqhom faċilment. San Ġiljan rebħu l-ewwel sessjoni 4-2 iżda x-Xlukkajri rkupraw faċilment u wara li Dino Zammit wieġeb għal Andrija Vlahovic, Marsaxlokk saħansitra ġabu d-draw minn Stephen Micallef u Andrija Vlahovic.

Timmy Agius reġa’ ġab id-draw għal 6-6 iżda Andreas Galea u Niksa Dobud taw vantaġġ doppju lill-Ġiljaniżi, għalkemm Julian Rizzo Naudi ħalla lil Marsaxlokk bi żvantaġġ żgħir ta’ żewġ gowls.

Wara l-mistrieħ seta’ kien hemm indikazzjoni li San Ġiljan kienu se jieħdu r-riedni tal-logħba u f’mument minnhom kienu 12-8 minn fuq, sakemm gowls minn Matthew Pace u Andrija Vlahovic reġgħu ġabu distakk ta’ żewġ gowls.

Doppjetta ta’ Matthew Zammit fl-aħħar sessjoni serrħet ras l-avversarji li kabbru d-distakk għal sitt gowls permezz ta’ Dobud u Galea, vantaġġ li żammewh sat-tmiem.

San Ġiljan: J. Tanti, B. Grech, A. Galea (3), N. Dobud (5), G. Molina (2), M. Zammit (3), B. Plumpton, K. Dowling (1), T. Said, Da. Zammit, P. Fava (1), Di. Zammit (2), T. Micallef, J. Bonavia (1), Z. Micallef

Marsaxlokk: R. Coleiro, J. Rizzo Naudi (1), L. Calleja, M. Martellacci, T. Agius (3), J. Galea, A. Vlahovic (4), I. Nagaev (2), S. Micallef (1), R. Scerri, M. Cacici, O. Zammit, L. Saliba, M. Pace (1), K. Galea

Referees: Neville Mercieca, Gianluca Centineo

L-ewwel rebħa għal Marsaskala

MARSASKALA FISH AND FISH…… 17 VALLETTA VIDEOSLOTS………. 14

(4-3), (2-4), (4-3), (6-4)

Valletta Videoslots komplew jiddiżappuntaw hekk kif kienu megħluba minn Marsaskala Fish and Fish 17-14. Għalkemm wieħed ma jistax ma jfaħħarx il-prestazzjoni tal-Iskalin, wieħed kien jistenna ħafna aktar minn Valletta, tim li suppost hu superjuri aktar minnhom. Din kienet l-ewwel rebħa għal Marsaskala.

Minkejja li kienu żewġ gowls minn taħt, Marsaskala rnexxielhom jirkupraw u rebħu l-ewwel sessjoni 4-3 bi tripletta ta’ Konstantin Averka u Rheinhard Attard. Valletta ġabu d-draw fit-tieni sessjoni b’doppjetta ta’ Michele Mifsud wara li Kristijan Milakovic kien għamel l-iskor 5-4. Dmitri Kholod skorja doppjetta wkoll biex ta vantaġġ doppju lil Valletta sakemm Ayrton Camenzuli naqqas id-distakk.

Marsaskala ġabu d-draw tliet darbiet fit-tielet sessjoni. Valletta ma kellhomx kontroll u saħansitra t-tim ta’ Dorian Pisani mar 11-9 fil-vantaġġ permezz ta’ Liam Grixti u Averka, b’Kholod inaqqas id-distakk. Jekk kien hemm bżonn konferma li d-difiża Beltija ma kinitx fl-aqwa tagħha, kienet fl-aħħar sessjoni. Dan hekk kif wara li Valletta kienu marru minn fuq u reġgħu ġabu d-draw, Marsaskala skorjaw tliet gowls konsekuttivi li ma kellhomx ħin biex jirkupraw minnhom.

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, A. Camenzuli (2), M. Manara, M. Aquilina, L. Grixti (1), K. Navarro, K. Milakovic (3), K. Averka (7), J. Culic, R. Attard (3), D. Borg Millo (1), M. Borg

Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines (3), A. Agius, P. Borg, C. Zammit, R. Mock, D. Paolella, M. Mifsud (3), M. Cordina (1), M. Zammit, D. Kholod (5), N. Farrugia, R. Bonnici, S. Misic (2)

Referees: Ronnie Spiteri, Gianluca Centineo