Internazzjonali

Tal-anqas 44 immigrant mejjet u 130 midruba wara attakk fi Tripli

Tal-anqas 40 persuna nqatlu f’attakk mill-ajru fuq ċentru ta’ detenzjoni fi Tripli. 80 persuna oħra ndarbu f’dan l-attakk.

Hu maħsub li ħafna mill-mejta huma Afrikani li kienu qed jipprovaw imorru lejn l-Ewropa b’mod klandestin mil-Libja.

Uffiċjali tas-saħħa fil-kapitali Libjana qalu li l-attakk seħħ tard it-Tlieta filgħaxija fuq hangar li kien inbidel f’ċentru ta’ detenzjoni għall-immigranti.

Il-Gvern fi stqarrija qal li l-attakk ħalla numru kbir ta’ vittmi, u oħrajn sfaw feruti. Jidher illi l-attakk twettaq “mill-kriminali tal-ġeneral Khalifa Haftar.” Filfatt il-Prim Minstru tal-Gvern Libjan rikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti, Fayez al-Sarraj, akkuża lill-Armata Nazzjonali Libjana għal dan l-attakk.

L-Armata, immexxija mill-Ġeneral Haftar, it-Tnejn li għadda ħabbret li kienet se tibda attakki tqal mill-ajru fuq il-miri tagħha fi Tripli. Filfatt hija qalet li ajruplani tal-gwerra kienu bbumbardaw kamp tal-Gvern, fejn fl-istess attakk intlaqat l-imsemmi ċentru tal-immigranti.

L-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refugjati qalet tinsab tassew imħassba b’dak li seħħ fi Tripli – attakk deskritt bħala preċiż u premeditat.