Lokali

Von der Leyen ġiet bħala sorpriża

Ftit kienu jafuha barra l-Ġermanja. L-isem tagħha ġie bħala sorpriża. Mara sinonima għall-ħiliet tagħha fejn tidħol id-diplomazija. U eżempju klassiku ta’ politiku li jemmen bi sħiħ fl-Unjoni Ewropea.

Din hi Ursula von der Leyen, li fl-età ta’ 60 sena mistennija se tkun is-suċċessur ta’ Jean Claude Juncker fil-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea.

Jekk tiġi approvata mill-Parlament Ewropew, l-omm ta’ sebat t’itfal issir l-ewwel mara li qatt mexxiet il-Kummissjoni.

Von der Leyen iffukat l-istudji tagħha fuq l-ekonomija u l-mediċina.

U kif jgħidu, il-ġurnata minn filgħodu turik – Von der Leyen qattgħet l-ewwel 12-il sena ta’ ħajjitha ġewwa Brussel, propju ftit passi ‘l bogħod mill-Parlament Ewropew.

Hi daħlet fil-politika meta kellha 42 sena, u hi membru tal-partit ta’ Merkel, is-CDU – parti mill-familja tal-Partit Popolari Ewropew.

Von der Leyen mhux biss hi apertament kontra Brexit, imma temmen li l-UE għandha issaħħaħ ir-relazzjonijiet interni u ma’ pajjiżi oħra – fosthom l-Istati Uniti.

Intant, barra l-President tal-Kummissjoni Ewropeja, it-Tlieta ġiet nominata Christine Lagarde bħala kandidat għall-Presidenza tal-Bank Ċentrali Ewropew … mara oħra li se tingħata waħda mill-aktar karigi importanti fl-UE.

Charles Michel ġie nominat għall-Presidenza tal-Kunsill Ewropew, filwaqt li Josep Borrel mistenni jieħu l-kariga ta’ Rappreżentanza Għoli għall-Affarijiet Barranin.