Futbol Sport

Atletico Madrid jakkwistaw lil Joao Felix għal €126 miljun

Atletico Madrid ikkonfermaw l-akkwist tal-attakkant Portugiż Joao Felix mingħand Benfica għal €126 miljun li hu l-ħames l-aktar akkwist li sewa flus fl-istorja, bil-klabb Spanjol se jħallas dan it-trasferiment f’diversi pagamenti.

L-uniċi plejers li swew aktar flus minn Felix huma Neymar, Kylian Mbappe, Philippe Coutinho u Ousmane Dembele, bil-Portugiż jiffirma kuntratt ta’ seba’ snin mal-Ispanjoli. Hu għamel id-debutt mat-tim tal-kbar l-istaġun li għadda u skorja 15-il gowl biex għen lil Benfica jirbħu l-kampjonat Portugiż.

Hu mistenni jkun is-suċċessur ta’ Antoine Griezmann li ftit ġimgħat ilu kkonferma li se jħalli l-klabb dan is-sajf, biċ-champions Spanjoli Barcelona mistennija jħallsu l-klawsola tiegħu ta’ €120 miljun.

Ilbieraħ Atletico Madrid ikkonfermaw ukoll żewġ akkwisti bil-midfielder Messikan Hector Herrera jiffirma kuntratt ta’ tliet snin wara li kien spiċċalu l-kuntratt minn ma’ Porto, bid-difensur Brażiljan Felipe jingħaqad magħhom mingħand Porto għal €20 miljun.