Lokali

FILMAT: Bżonn ta’ aktar riżorsi biex nikkontrollaw is-settur tal-kostruzzjoni

It-tħassib ta’ ħafna wara l-aħħar inċidenti fis-settur tal-kostruzzjoni diffiċli jingħeleb f’dan l-istadju. Għax biex nibnu l-fiduċja tal-pubbliku, irid ikun hemm impenn min-naħa tal-Gvern ħalli kulħadd ikun jaf x’qed jagħmel.

Dikjarazzjoni tal-Perit Andre Pizzuto, il-Viċi President tal-Kamra tal-Periti, li flimkien mal-President ta’ Din l-Art Ħelwa Alex Torpiano, kien mistieden tal-programm Magħkom fuq NET Television ippreżentat minn Roberta Bonello Felice.

Hu spjega li r-regolamentazzjoni mhix adegwata għat-tip ta’ kostruzzjoni li qed issir. U dan hu ta’ tħassib għall-kuntratturi serji daqskemm għalmin jixtri.

Iż-żewġ kelliema appellaw għal-liċenzjar ta’ kulmin hu involut fil-kostruzzjoni, inklużi dawk li jgħaddu s-servizzi tad-dawl u l-ilma jew li jwaħħlu l-madum. Dan jista’ jsir b’aktar riżorsi u mhux billi wieħed jaqbad u jidħol fis-settur mingħajr l-ebda tħejjija.

Min-naħa tiegħu, Alex Torpiano qal li s-sitwazzjoni tal-kostruzzjoni hi perikoluża minnha nfisha, aħseb u ara kostruzzjoni bl-għaġla, li hi aktar. Għaldaqstant, hu appella lil kulħadd biex iħares lejn l-intensità tal-kostruzzjoni fl-aħħar sentejn.

Sadanittant, il-mistednin esprimew tħassib mhux biss dwar l-ammont ta’ kostruzzjoni, iżda anke għall-kwalità tal-materjal li qed jintuża’. B’Alex Torpiano jispjega li m’għandniex inħarsu biss lejn l-ekonomija, iżda wkoll lejn il-kwalità tal-arja li aħna l-Maltin qed ikollna ngħixu fiha.

Dwar l-Avviż Legali li qed jippreżenta l-Gvern, iż-żewġ kelliema qalu li dan ma jdaħħal xejn ġdid, iżda hu biss reviżjoni ta’ dak li diġà hemm. Filwaqt li tennew li żgur ma tistax tirregola industrija sħiħa b’Avviż Legali wieħed ta’ ftit paġni, dan jgħid biss min hu responsabbli, għalkemm ma jżidx is-sigurtà fuq is-siti ta’ kostruzzjoni.