Lokali

AĠĠORNATA: “Irtirajt bħala pass favur l-għaqda”

Attard Previ wasslet messaġġ imqanqal u b'saħħtu favur l-għaqda

Net News jista’ jikkonferma li Graziella Attard Previ rtirat n-nomina tagħha għall-kariga ta’ President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Dan ifisser li issa se jkun l-avukat Alex Perici Calascione li qed jikkontesta waħdu għal din il-kariga.

F’ittra mibgħuta lill-Kummissjoni Elettorali, hi qalet li ħadet din id-deċiżjoni fl-aħjar interess tal-għaqda fil-partit.

Fl-Eżekuttiv, l-ittra ta’ Attard Previ intlaqgħet b’akklamazzjoni kbira.

Meta hi indirizzat lill-membri preżenti, hi wasslet messaġġ imqanqal, emozzjonanti u b’saħħtu favur l-għaqda.

L-elezzjonijiet qed isiru illejla waqt il-laqgħa tal-Eżekuttiv fid-Dar Ċentrali tal-PN.

Anke Charles Selvaggi irtira n-nomina tiegħu minħabba raġunijiet professjonali ta’ xogħol. Hu kien se jikkontesta għall-kariga ta’ Teżorier. Selvaggi, f’ittra lill-PN, ikkonferma li se jibqa’ jaħdem b’saħħa mal-PN bħala minority leader fl-Imsida u President tal-Kulleġġ Kandidati PN.

Charles Selvaggi stqarr illi lest ikun ta’ appoġġ sħiħ għal kull min ikun f’din il-kariga ta’ Teżorier.

Graham Bencini u Carm Mifsud Bonnici qed jikkontestaw il-kariga ta’ President tal-Kunsill Amministrattiv.