Il-President George Vella nieda l-Ballu tal-Qamar t’Awwissu 2019, li se jsir fit-3 t’Awwissu fil-ġonna tal-Palazz tal-Verdala b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Dan se jkun l-ewwel ballu li qed jiġi organizzat minn din il-Presidenza. Il-President u s-Sinjura Vella se jżommu mat-tradizzjoni billi se jorganizzawh fil-Palazz ta’ Verdala fl-ewwel Sibt t’Awwissu.
Il-Markiż Daniel de Petri Testaferrata, Chairman Organizzattiv tal-Ballu, irringrazzja lill-President u lis-Sinjura Vella talli f’din il-Presidenza l-ġdida, reġa’ ġie fdat biex jorganizza dan il-ballu. Filwaqt li ta dettalji tal-avveniment innifsu, irringrazzja dawk kollha li qegħdin jgħinu, fosthom Brass House Unit u l-isponsors kollha li b’xi mod taw kontribut, kif ukoll il-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta.
Min-naħa tiegħu, il-President Vella tenna kif il-Malta Community Chest Fund Foundation toffri ħafna forom ta’ assistenza lil persuni vulnerabbli, fosthom lill- pazjenti li jkunu qed isegwu kura barra minn Malta u forom ta’ assistenza soċjali oħra.
Il-biljetti, li huma ristretti għal 750, qed jinbiegħu bil-prezz ta’ €100 fuq bażi ‘first come first served’, u jistgħu jinxtraw online minn ww.augustmoonball.com, mill-Palazz tal-Belt, jew minn dak ta’ Sant’ Anton.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit
www.augustmoonball.com, jew iċempel fuq 22053500 jew 21226226.