Fil-Pjazza ta’ Ħal Luqa hi l-aħjar post biex wieħed isegwi l-ispettklu annwali mħejji mill-Kumpless tan-Nar ta’ Sant’Andrija fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika L-Unjoni.
Damian Psaila, membru tal-Kumples, spjega li n-nar se jkun qed jitla’ minn erba’ żoni differenti, iżda kollha bl-angolu li jiffavorixxi lill-Pjazza tar-raħal.
Evidenti n-namra tixgħel f’għajnejh, meta b’passjoni liema bħalha spjega s-sodisfazzjon appena jara li l-pubbliku jkun qed jieħu pjaċir b’dak li qed jara. “Aktar minn kollox, tagħmilha biex tagħti pjaċir lin-nies”, stqarr.
Damian spjega li fl-ispettaklu tas-Sibt, se jkun hemm total ta’ aktar minn 500 murtal, fosthom aktar minn 400 ballun tas-6 pulzieri, 16 tas-16-il pulzier, 35 tal-10 pulzieri, aktar minn 80 tat-8 pulzieri u ballun ta’ 35 pulzier.
Sadanittant, Damian wieġeb ukoll għall-kritika ta’ xi wħud dwar il-qawwa tal-bomba meta jinħaraq in-nar, partikolarment filgħodu. Spjega, pereżempju, li t-tradizzjoni tal-bomba mal-murtal bdiet snin ilu, meta kienu jaħsbu li aktar ma tkun qawwija l-bomba, aktar ikunu qed ibegħdu lil xi spirtu ħażin mil-lokalità.
L-ispettaklu tan-nar f’Ħal Luqa se jinżamm is-Sibt li ġej filgħaxija, u kulħadd hu mistieden jattendi.
//= $special ?>