Lokali Qorti

FILMAT: Ma nstabu ebda marki tal-Kurċifiss

Fil-każ ta’ Michael Emanuel, il-Prosekuzzjoni qed tgħid li ma kien hemm l-ebda marki ta’ Kurċifiss fuq il-vittma. Dan wara li l-Qorti semgħet kif skont l-akkużat il-vittma kienet talbitu biex joqtolha bil-Kurċifiss.

Dalgħodu, il-Prosekuzzjoni għamlet l-aħħar argumenti tagħha quddiem il-ġurija, li se tiddeċiedi jekk Michael Emmanuel, is-sieħeb u l-akkużat bil-qtil ta’ Maria Lourdes Agius, kienx mentalment stabbli meta allegatament qatilha

Il-Prosekuzzjoni staqsiet jekk skont l-akkużat, il-vittma talbet lill-akkużat joqtolha b’kurċifiss, għaliex instabu marki ta’ daqqiet f’rasha u l-Kurċifiss ma kellu ebda ħsara.

Ftit wara li Michael Emmanuel kien arrestat kien ġie eżaminat minn żewġ psikjatri. Huwa kien qalilhom li kellu sinjali mingħand Alla. Madankollu wara din id-dikjarazzjoni, huwa ma reġax semma sinjali divini oħra. Il-Prosekuzzjoni kompliet tisħaq li l-azzjonijiet tal-akkużat l-għada tad-delitt huma xhieda ċara tal-ħtija u l-istat mentali tiegħu.

L-avukati Charles Mercieca u Matthew Xuereb mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed imexxu l-Prosekuzzjoni. Dustin Camilleri u Marc Sant qed jidhru għall-akkużat bħala għajnuna legali. Il-Qorti hija preseduta mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera.