Sport Sport Ieħor

Midlja tal-bronż għal Tenishia Thornton fil-kampjonati tal-Unjoni Ewropea tal-Weightlifting

Tenishia Thornton rebħet il-midlaja tal-bronż fil-kampjonati annwali tal-Unjoni Ewropea fil-Weightlifting, li sar f’Waterford, l-Irlanda. F’dawn il-kampjonati ħadu sehem numru ta’ parteċipanti record.

Dawn waslu mill-Irlanda, Ungerija, Slovenja, Awstrija, Franza, Italja, Spanja, Polonja, Estonja, Danimarka, Gran Brittanja, Kroazja u Malta. Aħbar tajba oħra kienet li s-sena d-dieħa dawn il-kampjonati se jsiru Malta.

It-tim Malti kien kompost minn Tenisha Thornton u Rylee Borg, it-tnejn ta’ 13-il sena u Shelby Mangion Vassallo ta’ 16-il sena. L-avveniment laħaq il-qofol tiegħu meta Malta kisbet l-ewwel midalja tal-bronż tagħha mirbuħa minn Tenishia Thornton, li hija prattikament veterana fix-xena internazzjonali.

Hija kkompetiet fil-kategorija ta’ taħt il-15-il sena fejn kellha sfida minn atleti ġejjin mill-Estonja, Kroazja, Kroazja, Awstrija, Franza, Danimarka, Gran Brittanja, Ungerija, Spanja u l-Polonja. L-atleti Polakki u Spanjoli kienu fi ġlieda għar-rebħ tal-midalja tad-deheb bil-midalja tal-bronż miftuħa għal diversi kompetitituri oħra, li kienu ta’ livell għoli.

Thornton sabet ruħha tiġġieled għal kull kilo biex għamlet unur għaliha u għal Malta, anke jekk ma kienex xejn faċli. Hija spiċċat it-tielet b’189.6 punt segwita mill-atleta Ungeriża b’188.4 punt bil-kompetituri l-oħra kollha sseparati biss b’punt.  

L-iżgħar waħda mill-Maltin, Rylee Borg, kellha preparazzjoni iebsa minħabba wkoll li kienet imweġġa’. Madankollu, xorta marret tajjeb b’dik li tissejjaħ “PR snatch ta’ 56 kilo u “Clean and Jerk” ta’ 70 kilo. 

Shelby Mangion Vassallo kienet l-aħħar atleta li kkomppetiet mill-kontinġent Malti. Sforuntament, kienet xi ftit ma tiflaħax fl-aħħar jiem, bil-kowċ tagħha jiddeċiedi li ma taqbeż l-ebda limitu. Hija spiċċat b’mod rispetabbli b’54 “snatch” u 69 “clean and jerk” fil-katgorija ta’ taħt is-17 il sena.   

It-tim kien akkumpanjat mill-kowċ nazzjonali, Jesmond Caruana u Ramona Borg, li kienet magħżula bħala uffiċjal waqt dawn il-kampjonati. L-investiment li qed isir għall-atleti żgħażagħ minn setturi bħal l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Weightlifting, SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti kien prominenti għall-parteċipazzjoni f’dan l-avveniment.

L-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Weightlifting qalet li tinsab kburija li nġiebet midalja f’Malta minn kompetizzjoni daqstant prestiġġjuża. Hija qalet li tkompli taħdem għal aktar riżultati tajbin minn naħa taż-żgħażagħ tagħha.