Ftit jiem ilu fl-Istadium Matthew Micallef St. John fil-Marsa saru l-Kampjonati Nazzjonali tal-atletika bl-aqwa atleti lokali jipparteċipaw. Uħud minnhom kienu friski mis-suċċess miksub fl-aħħar edizzjoni tal-Logħob tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa f’Montenegro.
Fil-kategorija tal-irġiel Charlton Debono rebaħ l-10,000 metru b’ħin ta’ 32:20.99 filwaqt li Luca Martini rebaħ il-hammer throw b’54 metru, b’Jacob El Aida Chaffey jirbaħ kemm il-100 metru kif ukoll il-200 metru.
Daqstant ieħor suċċess doppju għal Jordan Gusman fl-1500 metru u fil-5000 metru kif ukoll għal Ian Grech li rebaħ it-Triple Jump u l-Long jump. L-erba’ mitt metru intrebħet minn Damien Mizzi f’49.28 filwaqt li Luke Farrugia rebaħ kemm id-discus kif ukoll ix-shot put b’Benjamin Micallef jirbaħ it-800 metru f’1:55.32.
Fil-kategorija tan-nisa Lisa Marie Bezzina rebħet l-10,000 metru f’36:17.20 b’Mona Lisa Camilleri tirbaħ l-2000 metru steeplechase u Sarah Chouhal il-Hammer throw b’distanza ta’ 51.25 metru. Suċċess doppju għal Charlotte Wingfield fil-100 metru u 200 metru b’Paula Grech tirbaħ l-1500 metru u t-800 metru.
Rebecca Sarè rebħet it-triple jump b’qabża ta’ 12.36 metru, bi Claire Azzopardi tirbaħ il-Long Jump b’qabża ta’ 5.77 metru. Janet Richard rebħet l-400 metru filwaqt li Mariah Zahra kienet l-aħjar fid-discus b’distanza ta’ 32.75 metru.