Futbol Sport

Rodri mistenni jingħaqad ma’ Manchester City għal somma rekord tal-klabb

Manchester City huma mistennija jiffirmaw lill-midfielder Rodri mingħand Atletico Madrid għal somma rekord tal-klabb ta’ €70 miljun. Kien il-klabb Spanjol stess li kkonferma l-aħbar li l-avukati u rappreżentanti ta’ Manchester City ħallsu l-klawsola tiegħu lil-La Liga.

Ir-rekord tal-klabb ta’ Manchester City kien ta’ madwar €66 miljun meta ġie akkwistat Riyad Mahrez mingħand Leicester is-sajf li għadda. Rodri kien ingħaqad ma’ Atletico Madrid f’Mejju tas-sena l-oħra wara tliet snin ma’ Villarreal. Hu lagħab 34 logħba fil-kampjonat hekk kif it-tim ta’ Diego Simeone spiċċa t-tieni f’La Liga.

Rodri għamel id-debutt mat-tim nazzjonali Spanjol f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Ġermanja s-sena l-oħra u sa issa lagħab sitt logħbiet. Dan l-akkwist se jkompli jsaħħaħ it-tim ta’ Pep Guardiola li kien qed ifittex midfielder difensiv biex ikun is-sostitut ta’ Fernandinho.