Sport Sport Ieħor

Tkompli l-avventura taż-żagħżugħa Cori Gauff f’Wimbledon

(Ritratt: EPA)

Il-ħolma ta’ Cori Gauff kompliet hekk kif għaddiet mit-tieni rawnd b’rebħa fuq Magdalena Rybarikova. L-Amerikana ta’ 15-il sena kellha bżonn biss siegħa u disa’ minuti biex rebħet 6-3, 6-3. Gauff li fl-ewwel rawnd eliminat lill-ħames darbiet rebbieħa Venus Williams, tilgħab kontra Polona Hercog fit-tielet rawnd.

Hi saret l-iżgħar tennista li waslet mal-aħħar 32 f’Wimbledon minn meta l-Amerikana Jennifer Capriati kienet waslet sas-semifinali fl-1991 fl-età ta’ 15-il sena wkoll. Fl-età tagħha, Gauff tista’ tilgħab biss 10 tournaments fuq livell professjonali.

Is-sid numru sebgħa Simona Halep evitat eliminazzjoni bikrija biex eliminat lil Mihaela Buzarnescu 6-3, 4-6, 6-2 u wkoll għaddiet għat-tielet rawnd. L-eks numru wieħed tad-dinja ddominat kmieni fil-logħba iżda l-forma tagħha niżlet fit-tieni set, bis-sid numru 53 fid-dinja tikser is-service ta’ Halep fid-disa’ logħba u sfurzat it-tielet set.

Fl-aħħar set it-tnejn kisru s-service ta’ xulxin iżda Halep kisret is-service darbtejn oħra biex rebħet. Ir-Rumena ta’ 27 sena tilgħab kontra d-darbtejn semifinalista Victoria Azarenka.