Lokali

EŻEKUTTIV PN: Eletti Perici Calascione u Carm Mifsud Bonnici

Illejla fid-Dar Ċentrali tal-PN saret il-votazzjoni fejn ġew eletti l-Presidenti tal-Kumitat Eżekuttiv u l-Kunsill Amministrattiv.

Alex Perici Calascione ġab il-maġġoranza meħtieġa biex issa sar President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN. Id-deputat Carm Mifsud Bonnici ġie elett President tal-Kunsill Amministrattiv, fl-elezzjoni li fiha kkontesta Graham Bencini.

Ir-riżultat tal-elezzjonijiet intlaqa’ minn applaws spontanju minn dawk preżenti li ferħu liż-żewġ kandidati eletti.

Ritratt: Martin Agius

Il-Kap tal-PN Adrian Delia awgura liż-żewġ persuni eletti f’dawn il-karigi fit-tmexxija tal-PN. Adrian Delia irringrazzja ukoll lil Mark Anthony Sammut u lil David Stellini li huma l-Presidenti uxxenti.

F’messaġġ qasir, Alex Perici Calascione qal illi huwa tajjeb li f’partit ikollok imħuħ li jaħsbu differenti. Iżda l-importanti hu “li l-qalb tagħna tkun l-istess, u li nkunu mexjin fuq l-istess valuri”. Għalhekk, sostna Perici Calascione, se jistinka għall-għaqda fil-partit.

Alex Perici Calascione sellem lil Graziella Attard Previ għas-servizz li qed tagħti lill-PN b’imħabba kbira lejn il-partit – tant illi għażlet li twaqqa’ l-kandidatura tagħha għall-kariga ta’ President tal-Eżekuttiv, sabiex fi kliemha stess twassal messaġġ ta’ għaqda.

Carm Mifsud Bonnici minn naħa tiegħu qal li se jibqa’ jaħdem biex jagħmel il-PN b’saħħtu u magħqud.

Intant, għall-kariga ta’ Teżorier, il-PN se jerġa’ jiftaħ in-nomini.