Lokali

Żewġ eks-Ministri tal-Ambjent jingħataw rikonoxximent

RITRATT: DOI

Daniel Micallef u Stanley Zammit, żewġ eks-Ministri tal-Ambjent taħt Amministrazzjonijiet differenti, kienu premjati bil-Buonamico Award .

Dan l-unur annwali jirrikonoxxi kontribuzzjonijiet sinifikanti ta’ individwi lejn il-ħarsien tal-wirt naturali ta’ pajjiżna, u hu organizzat mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Waqt serata ta’ premjazzjoni li saret fil-Palazz San Anton taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella, ir-rikonoxximent ingħata lil dawn iż-żewġ politiċi għaliex meta kienu responsabbli minn dan id-dekasteru impenjaw ruħhom favur il-ħarsien tal-ambjent u introduċew inizjattivi li qajmu iktar kuxjenza ambjentali.

Fid-diskors tiegħu, iċ-Chairman tal-ERA l-Professur Victor Axiak elenka l-iżviluppi li wasslu għal għarfien u apprezzament akbar għall-ambjent Malti b’mod wiesa’. Min-naħa tiegħu, il-President George Vella osserva li studji li jikkonċentraw fuq il-flora  u l-biodiversità tal-gżejjer Maltin huma wkoll strumentali biex bħala pajjiż nifhmu u ngħożżu aħjar il-wirt naturali nazzjonali tagħna, u kif dawn l-aħħar snin il-bilanċ bejn il-progress, l-ispazji miftuħa u l-akwati abitati kien pjuttost diffiċli li jinżamm, u sfortunatament ftit li xejn jaħseb fil-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-President kompla billi stqarr kif b’mod ħolistiku, is-sostenibbiltà tal-ambjent u l-kwalità ta’ ħajja jimxu flimkien, u kif huwa importanti wkoll li nagħtu attenzjoni għall-kwalità tal-arja, tal-ilma tal-pjan, u tal-ibħra tal-madwar. Il-President Vella temm l-indirizz tiegħu billi mill-ġdid feraħ f’isem il-poplu Malti lil Dr Micallef, irrapreżentat fiċ-ċeremonja mit-tfal tiegħu, u Dr Zammit għall-kontribut mill-iktar siewi tagħhom.