Futbol Sport

Birkirkara jakkwistaw lil Yannick Yankam mingħand Qormi

Aktar akkwisti minn Birkirkara biex ikollhom skwadra kompetittiva għall-istaġun li ġej hekk kif ħabbru l-akkwist tal-midfielder Yannick Yankam mingħand Qormi. Il-plejer ta’ 21 sena ffirma kuntratt ta’ ħames snin mal-klabb u b’hekk se jkompli joffri aktar għażla lill-kowċ John Buttigieg hekk kif kapaċi wkoll jilgħab aktar offensiv ukoll.

Yankam fl-aħħar snin kien jagħmel parti mit-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena mmexxi minn Silvio Vella wara diversi prestazzjonijiet pożittivi f’nofs il-grawnd ta’ Qormi. Hu kien għamel id-debutt mal-Qriema fil-Kampjonat Premier fl-istaġun 2015/16 taħt it-tmexxija ta’ Johann Scicluna f’sitwazzjoni diffiċli għalihom.

Wara li kienu relegati, Yankam kompla jistabilixxi ruħu bħala plejer regolari fl-Ewwel Diviżjoni u kien parti importanti mit-tim immexxi minn Brian Spiteri li rebaħ l-Ewwel Diviżjoni u l-promozzjoni għall-Kampjonat Premier. Fl-istaġun li għadda, Yankam baqa’ parti importanti mit-tim anki taħt it-tmexxija teknika ta’ Mario Muscat u b’kollox fl-erba’ staġuni lagħab 96 logħba u skorja disa’ gowls/

F’messaġġ fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Yankam irringrazzja lil Qormi talli emmnu fih, lil sħabu li lagħab magħhom, il-kowċis li tawh l-opportunità li jilgħab u jesprimi ruħu u l-partitarji tal-klabb li kienu paċenzjużi miegħu. “Qormi għandhom u se jibqa’ jkollhom post speċjali f’qalbi. Mhux biss bħala tim imma wkoll bħala lokali li kważi għext fih ħajti kollha.”

Yankam sar is-seba’ akkwist ta’ Birkirkara f’dan is-suq tat-trasferimenti wara Enrico Pepe, Miguel Alba, Roderick Briffa, Isaac Ntow, Nicky Vella u Renato Goncalves de Lima. Dan minbarra li Michael Mifsud reġa’ ffirma kuntratt ta’ sena u Luke Montebello kif ukoll Matthew Guillaumier ġeddew il-kuntratt tagħhom.