Sport Waterpolo

Bogdan Rath jitneħħa minn kowċ ta’ Valletta United

(Ritratt: Martin Agius)

Valletta United ħadu deċiżjoni li jtemmu l-avventura ta’ Bogdan Rath bħala kowċ tal-klabb wara l-bidu negattiv li kellhom għal dan l-istaġun tas-sajf. Postu se jittieħed mill-kowċ ta’ esperjenza u assistent kowċ preżenti Joe Sciortino, li fil-passat kien ukoll eks plejer tal-istess Valletta. L-ewwel impenn ta’ Sciortino jkun illum kontra Birżebbuġa fil-4.45pm.

Fir-rawnd preliminari, Valletta tilfu posthom fil-Kampjonat Premier wara telfiet kontra Neptunes, Sirens u dik deċiżiva kontra Marsaxlokk filwaqt li rebħu kontra Ta’ Xbiex u Otters. Hekk kif huma komplew l-istaġun fl-Ewwel Diviżjoni, Valletta kienu megħluba minn Marsaskala 17-14 l-Erbgħa li għadda.

Rath kien inħatar kowċ ta’ Valletta fil-bidu ta’ Ottubru tal-2017 b’kuntratt ta’ tliet snin. Rath li hu Rumen b’passaport Taljan, ilu f’pajjiżna għal diversi snin u bħala plejer lagħab f’pajjiżna ma’ Sliema u San Ġiljan.

Bħala kowċ, Rath li għandu 47 sena, mexxa lil San Ġiljan, Sirens u Sliema u meta nħatar kowċ tal-Beltin kien ħa post Stephen Rizzo, bit-tama li Valletta jkunu kompetittivi u jippruvaw jevitaw l-aħħar post fil-Kampjonat Premier.

Kemm dam ma’ Valletta, Bogdan Rath mexxa lit-tim f’żewġ edizzjonijiet tal-Enemed Cup, żewġ edizzjonijiet tal-Kampjonat tax-Xitwa u l-Kampjonat tas-Sajf tas-sena l-oħra u l-bidu ta’ dan l-istaġun.

L-aħjar riżultat miksub minn Rath fit-tmexxija ta’ Valletta kien fil-Kampjonat tax-Xitwa ta’ din is-sena meta spiċċaw fir-raba’ post wara rebħiet kontra Sliema, Exiles u Sirens. Fil-bqija tal-kompetizzjonijiet l-oħra, Valletta spiċċaw fil-ħames u s-sitt post tal-Enemed Cup u fis-sitt post tal-Kampjonat tax-Xitwa u tas-Sajf tas-sena l-oħra.