Sport Sport Ieħor

Djokovic jitħabat iżda jagħmilha għar-raba’ rawnd ta’ Wimbledon

(Ritratt: EPA)

Novak Djokovic kellu jassorbi l-pressjoni biex għeleb lil Hubert Hurkacz u avvanza għar-raba’ rawnd ta’ Wimbledon. Iċ-champion renjanti li qed ifittex il-ħames suċċess f’dan il-Grand Slam, rebaħ 7-5, 6-7, 6-1, 6-4 kontra l-Pollakk ta’ 22 sena.

“Hu kien qed jissielet u kien qed jilgħab tajjeb, b’service tajjeb u kien qed jolqot nadif u preċiż. Kienet ġlieda tajba fl-ewwel sets u kien ħaqqu jirbaħ it-tieni waħda. Lagħbt it-tielet set perfett u anki r-raba’ wieħed kien solidu. Kuntent ħafna bil-prestazzjoni,” qal is-Serb ta’ 32 sena.

Fir-rawnd li jmiss, Djokovic jilgħab kontra Ugo Humbert wara li rebaħ kontra Felix Auger Alissime 6-5, 7-5, 6-3. “Hu tajjeb li hemm grupp ta’ żgħażagħ qed jisfidaw l-aqwa tennisti. Il-bidla qed issir, kemm hi fil-qrib li jibdew jirbħu l-Grand Slams ma nafux. Nisperaw li mhux viċin ħafna imma hu tajjeb għall-isport.”

Intant il-finalist tas-sena l-oħra Kevin Anderson kien eliminat mill-Arġentin Gudio Pella 6-4, 6-3, 7-6 li avvanza għall-ewwel darba sar-raba’ rawnd. L-avversarju tas-sid numru 26 fid-dinja hu Milos Raonic.

Is-sid numru 10 Karen Khachanov ukoll kien megħlub 6-3, 7-6, 6-1 mill-Ispanjol Roberto Bautista Agut li jilgħab kontra Benoit Paire fir-rawnd li jmiss. Fernando Verdasco għeleb lit-Taljan Thomas Fabbiano 6-4, 7-6, 6-4 u jilgħab kontra David Goffin li għeleb lil Daniil Medvedev 4-6, 6-2, 3-6, 6-3, 7-5.