Sport Sport Ieħor

Gauff tkompli timpressjona u tgħaddi mal-aħħar 16, Wozniacki eliminata

(Ritratt: EPA)

L-Amerikana Cori Gauff kompliet timpressjona meta għaddiet mal-aħħar 16 ta’ Wimbledon. It-tennista ta’ 15-il sena salvat żewġ match points u għelbet lil Polna Hercog 3-6, 7-6, 7-5. Wara double-fault li ta l-ewwel set lil Hercog, Gauff kienet 5-2 minn taħt fit-tieni set, iżda hi sfurzat tie-break li rebħet.

“Dejjem kont naf li se nirkupra irrilevanti mir-riżultat. Il-pubbliku kien mill-aqwa. Anki meta kont minn taħt b’match point baqgħu jtuni s-sapport,” qalet Gauff. Iż-żagħżugħa tilgħab kontra l-eks numru wieħed tad-dinja Simona Halep fir-rawnd li jmiss.

Intant l-eks numru wieħed tad-dinja Caroline Wozniacki ġiet eliminata fit-tielet rawnd ta’ Wimbledon wara telfa ta’ 6-4, 6-2 kontra ċ-Ċiniża Zhang Shuai. Id-Daniża kien 4-0 minn fuq qabel iċ-Ċiniża ssielet bi bravura u rebħet sitt logħbiet konsekuttivi u kisbet l-ewwel set.

Zhang Shuai li hi s-sid numru 50 fid-dinja, qatt ma qabżet l-ewwel rawnd il-passat u ħadet vantaġġ minn deċiżjonijiet li affettwaw lil Wozniacki, biex rebħet it-tieni set 6-2 u għalqet il-logħba f’siegħa u 20 minuta.

Elina Svitolina kellha bżonn is-seba’ match point biex għaddiet għar-raba’ rawnd b’rebħa ta’ 6-3, 6-7, 6-2 kontra Maria Sakkari. L-Ukrena kellha żewġ okkażjonijiet biex tagħlaq il-logħba meta kienet 6-5 minn fuq fit-tieni set, qabel tilfet fit-tie-break.

Svitolina ħliet tliet okkażjonijiet oħra meta kienet 40-0 u tnejn oħra fi deuce fit-tmien logħba tas-set deċiżiv, qabel għalqet il-logħba kawża tat-48 unforced error ta’ Sakkari. F’konfront ieħor, Karolina Pliskova rebħet kontra Su-Wei-Hsieh 6-3, 2-6, 6-4.