Futbol Sport

Il-Benin toħloq sorpriża u telimina lill-Marokk mit-Tazza Afrikana

Il-Benin ħolqot sorpriża kbira meta eliminat lill-Marokk 4-1 bil-penalties u għaddew għall-ewwel darba sal-kwarti tal-finali tat-Tazza Afrikana. Mama Seibou skorja l-penalty deċiżiv wara li l-Benin spiċċat il-logħba b’raġel anqas minħabba li tkeċċa Khaled Adenon fil-ħin barrani.

Moise Adilehou poġġa lill-Benin minn fuq wara 53 minuta b’xutt minn korner, iżda Youssef En-Nesyri ġab id-draw fis-76 minuta b’xutt fil-baxx mill-kaxxa wara li rċieva mingħand Mbark Boussoufa. Il-Marokk kellha ċ-ċans li tirbaħ il-logħba bl-aħħar xutt tal-ħin regolamentari iżda l-penalty ta’ Hakim Ziyech stampa mal-wieqfa.

Fl-għoti tal-penalties, il-Benin skorjat il-penalties kollha tagħha permezz ta’ Oliver, Verdon, David Djigla, Tidjani Anaane u Mama Seibou. Għat-tim Marokkin skorja Oussama Idrissi u fallew Sofiane Boufal u Youssef En-Nesyri.

Fil-kwarti tal-finali tal-10 ta’ Lulju, f’dik li hi r-raba’ dehra tagħhom fil-fażi finali, il-Benin tilgħab kontra s-Senegal. Huma rebħu 1-0 kontra l-Uganda b’gowl ta’ Sadio Mane. Il-plejer ta’ Liverpool skorja wara kwarta b’xutt fil-baxx u rebaħ penalty mas-siegħa logħob wara li twaqqa’ mill-gowlkiper Denis Onyango.

Mane kellu l-penalty salvat minn Onyango, f’dak li kien it-tieni penalty fallut f’din l-edizzjoni wara li falla penalty fl-aħħar logħba kontra l-Kenja. Minkejja dan, Mane hu l-aqwa skorer ta’ din l-edizzjoni sa issa bi tliet gowls. Is-Senegal qed tipprova tirbaħ it-Tazza Afrikana għall-ewwel darba.

Fażi tal-aħħar 16

Il-Ġimgħa: Marokk v Benin 1-1 (Il-Benin rebħet 4-1 bil-penalties), Uganda v Senegal 0-1

Is-Sibt: Niġerja v Kamerun 6.00pm, Eġittu v Afrika ta’ Isfel 9.00pm

Għada: Madagascar v Kongo 6.00pm, Alġerija v Guinea 9.00pm

It-Tnejn: Mali v Kosta tal-Avorju 6.00pm, Ghana v Tuneżija 9.00pm