Lokali

Il-Fondazzjoni Life Network taqbel bis-sħiħ li s-servizzi offruti lil minuri tqal u lill-familji tagħhom għandhom ikunu msaħħa

Il-Fondazzjoni Life Network tesprimi d-diżappunt tagħha għall-istqarrija manifestament skorretta maħruġa mill-Kummissarju għat-Tfal relattivament għal jekk il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tipproteġix lit-tfal qabel it-twelid jew le.

Fi żball gravi, il-Kummissarju qalet li l-Konvenzjoni kienet vaga dwar it-tifsira ta’ min huma t-tfal u qalet biss li t-tfal ma jibqgħux tfal meta jsiru maġġorenni. Kuntrarju għal dak li qalet il-Kummissarju, huwa notevoli li l-Artikolu 9(h) tal-Att dwar ilKummissarju għat-Tfal jgħid illi wieħed mid-dmirijiet tal-Kummissarju huwa “li jippromwovi l-ogħla standards ta’ servizzi ta’ saħħa u servizzi soċjali għan-nisa waqt it-tqala tagħhom u li jippromwovi l-ħarsien u l-protezzjoni speċjali, inkluża l-protezzjoni legali xierqa, għat-tfal kemm qabel kif ukoll wara t-twelid”.

Huwa għalhekk ċar li l-liġijiet ta’ Malta jikkontradixxu lill-Kummissarju direttament. Dan juri li l-Kummissarju jew ma tafx x’tgħid il-liġi jew tagħżel li tinjoraha. L-Artikolu 9(h) tal-Att jirrifletti tajjeb il-kontenut tal-Preambolu tal-Konvenzjoni, li jagħraf ċar lit-tfal qabel it-twelid bħala tfal u bħala reċipjent tad-drittijiet, inkluż id-dritt għall-ħajja.

L-aħjar interessi tat-tfal huma moqdija meta l-Kummissarju għat-Tfal, li xogħolha hu li tħares iddrittijiet tat-tfal kollha mingħajr diskriminazzjoni, ma tużax il-pronunzjamenti tagħha biex iddgħajjef il-protezzjonijiet mogħtija lit-tfal qabel it-twelid mil-liġi domestika u dik internazzjonali.

Minkejja dan, il-Fondazzjoni Life Network taqbel bis-sħiħ li s-servizzi offruti lil minuri tqal u lill-familji tagħhom għandhom ikunu msaħħa. Għalhekk, il-metodi tal-Fondazzjoni Life Network, permezz tasservizz Life Line, huma ibbażati fuq imħabba lejn l-omm u lejn it-tarbija.