Lokali Turiżmu

Il-Grupp db se jirriattiva l-applikazzjoni għall-permess “b’xi tibdil”

Il-permess lill-Grupp kien inħareġ f'Settembru li għadda

Il-proġett fuq l-art tal-ITS se jerġa’ jiġi preżentat b’xi tibdil. Dan ħabbru l-Grupp db permezz ta’ stqarrija.

Dan il-proġett li jinkludi lukanda ġdida u torri ta’ 37 sular kellu jitwaqqaf ħesrem wara li l-Qorti kkonkludiet li kien hemm kunflitt ta’ interess minn wieħed mill-membri tal-Bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar. Dan ghaliex Matthew Pace, li kien fil-Bord dakinhar tad-deċiżjoni, jaħdem ma’ kumpanija fis-settur tal-bejgħ tal-proprjetà. Il-Qorti qalet li Pace kellu jirrikuża ruħu milli jipparteċipa fil-Bord fir-rigward ta’ dan l-iżvilupp – xi ħaġa li m’għamilx.

L-applikazzjoni għall-permess ta’ żvilupp issa qed tiġi attivata mill-ġdid, bil-Grupp db jgħid li se jippreżenta pjan li se jkollu xi tibdil u ridimensjoni minn dak approvat oriġinarjament. Il-Grupp ma speċifikax x’se jkun dan it-tibdil.

Il-proġett oriġinali kien irċieva xejn anqas minn 4,500 oġġezzjoni.

Il-Grupp db insista li d-deċiżjoni riċenti li ħarġet mill-Qorti bl-ebda mod ma ippuntat lejhom jew lejn il-proġett innifsu. Għalhekk, se jibqgħu għaddejin b’dan il-proġett fuq l-art tal-ITS “b’mod miftuħ u b’determinazzjoni”.

L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali għadu qed jinvestiga l-mod kif il-Gvern għadda lill-privat din l-art li tinsab fuq sit ewlieni bejn San Ġiljan u Pembroke.