L-NGO Mediterranea Human Rights ikkonfermat li bejn Malta u l-Italja hemm ftehim biex 41 immigrant li għad fadal abbord ‘Alex’ jinġiebu f’pajjiżna.
Dan wara li l-Viċi Prim Ministru Matteo Salvini baqa’ jisfida lill-istess għaqda billi jżomm pożizzjoni iebsa li jagħlaq il-portijiet Taljani.
Abbord il-vapur ‘Alex’ tal-Mediterranea b’kollox kien hemm 54 immigrant. Fosthom, 3 nisa tqal u tifla ta’ sentejn. Madanakollu, fl-aħħar sigħat saret spezzjoni fuq il-persuni kollha abbord biex finalment 13 minnhom ġew evakwati lejn l-Italja. Dawn jinkludu kemm nisa, tfal u l-familji tagħhom.
L-NGO qed tinsisti li l-bastiment ‘Alex’ li fuqu hemm l-immigrant mhux f’pożizzjoni li jwettaq vjaġġ lejn Lampedusa jew lejn Malta. Fid-dawl ta’ dan sar appell biex il-bastimenti navali ta’ Malta jew tal-Italja jbaħru lejn ‘Alex’ biex jiġbru dawn l-immigranti.
Oriġinarjament, il-Gvern Malti kien ħabbar li kien hemm ftehim bejn Malta u l-Italja li jsir partit tal-immigranti. Madanakollu, il-Gvern Taljan kien ċaħad ftit wara.
Aktar dettalji fil-ħin li ġej.
//= $special ?>