Lokali

“L-element kummerċjali qed jingħata prijorità mill-Gvern iktar mill-element sportiv”

Is-sidien taż-żwiemel tat-tiġrija jibqgħub’diversi domandi mhux imwieġba dwar il-futur ta’ dan l-isport u l-premijiet marbuta miegħu … u issa se jittieħed ukoll il-parkeġġ pubbliku li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom biex dan jingħata lill-privat.

B’hekk, l-Oppożizzjoni ġiet injorata kompletament u ntlaħaq ftehim mingħajr ma iġe kkunsidrat it-tħassib tal-membri tagħha … ftehim li ma kienx imniżżel fil-proposta oriġinal preżentata fl-2017.

Dan hekk kif negozjant privat se jkun qed jingħata 12,000 metru kwadru barra l-korsa tat-tiġrijiet taż-żwiemel fil-Marsa. Fuq l-art żejda mgħotija lilu, hu pjanat li jinbnew uffiċini, u ristoranti fost affarijiet oħra.

Net News tkellem mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Isport, Ryan Callus li sostna dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni li ngħataw dwar l-Parkeġġ u l-Iżviluppatur.

Wara diskussjoni u insistenza fil-Parlament minn naħa tal-Oppożizzjoni t-Tlieta filgħaxija, kien intlaħaq qbil li l-premijiet se jkunu qed jiżdiedu sa 3% kull sena għal perjodu ta’ 65 sena.

Madanakollu, l-Oppożizzjoni kontinwament qed titlob biex il-Gvern jerġa’ jitkellem ma’ rappreżenanti tas sidien taż-żwiemel biex ikunu jistgħu jitwieġbu l-mistoqsijiet kollha filwaqt li jitpoġġew l-ewwel il-bżonnijiet ta’ dawn id-dilettanti.

Ryan Callus kompla jinsisti li hemm bżonn li l-Gvern jiffoka iktar fuq l-element sportiv biex dan id-delizzju ma jintilifx ghal kollox.

Dawn il-kwistjonijiet ħarġu waqt sessjoni tal-Kumitat Parlamentari tal-Verifika hekk kif minkejja l-isforzi ta’ Ryan Callus, għal bidu hu baqa’ mingħajr tweġiba.

Is-Segretarju Parlamentari dwar l-Isport, Clifton Grima għal bidu naqas milli jagħti persentaġġ ta’ kemm il-premjijiet se jkunu qed jiżdiedu, b’riżultat li ma tax garanzija lis-sidien taż-żwiemel.

Minkejja li l-premijiet huma s-sors li jħajru u jżommu lin-nies biex jipparteċipaw fit-tiġrijiet taż-żwiemel, dan jidher li mhux jingħata l-importanza li jixraqilhom.

Il-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi, Mario de Marco tkellem ma’ Net News fejn esprima b’mod speċjali t-tħassib tiegħu dwar il-logħob tal-polo.

Waqt il-Kumitat, Mario de Marco staqsa diversi mistoqsijiet dwar il-futur ta’ dan l-isport u anke dwar dawk li huma parti mill-operatur.

Madanakollu, la r-rapreżentant tal-operatur u lanqas is-Segretarju Parlamentari dwar l-Isport, Clifton Grima ma kienu kapaċi jwieġbu. Dan iqajjem tħassib li nies responsabbli m’għandhomx idea ta’ dan il-proġett hekk kif qas kienu kapaċi jwieġbu mistoqsijiet sempliċi.

Prezenti għal-laqgħa kien hemm ukoll il-whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar.