Għall-ħabta tal-5:15 ta’ dalgħodu, persuna sofriet minn ġrieħi gravi wara li sewwieq tilef il-kontroll tal-karozza tiegħu u baqa’ dieħel fil-barrikati. L-inċident seħħ fi Triq Tul il-Kosta, f’Baħar iċ-Ċagħaq.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li raġel ta’ 22 sena, residenti s-Swieqi, kien qiegħed isuq vettura tat-tip Volkswagen Golf fid-direzzjoni lejn il-Qawra, meta għal xi raġuni, tilef il-kontroll u kellu impatt mal-crash barriers.
Flimkien max-xufier, kien hemm ukoll żewġ passiġġiera, it-tnejn irġiel mill-Bangladesh. Wieħed minnhom, li għandu 30 sena, sofra xi ġrieħi u ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li ż-żewġ persuni l-oħra ma sofrew l-ebda ġrieħi.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.
//= $special ?>