Lokali

“Flimkien irridu naffrontaw l-isfidi tagħna”

Louis Galea maħtur President tal-AŻAD - L-ewwel laqgħa uffiċjali bejn Adrian Delia u Louis Galea

“Irridu nwettqu riforma politika li trid iġġedded lill-PN, hemm il-ħtieġa li Malta jkollha politika b’lingwaġġ ġdid, u differenti”

Dan qalu Louis Galea wara li aċċetta l-istedina tal-Kap tal-PN Adrian Delia biex mhux biss jagħmel riforma fi ħdan il-PN iżda jokkupa wkoll l-kariga ta’ President tal-AŻAD.

Il-Ħamis filgħaxija l-Kap tal-PN Adrian Delia propona lil Louis Galea bħala l-persuna li se jmexxi r-riforma politika fil-partit, proposta li sabet appoġġ tal-membri kollha tal-Eżekuttiv tal-PN.

Fil-bidu ta’ din id-dikussjoni Adrian Delia qal li l-PN mhux il-binja tad-Dar Ċentrali u mhux l-amministrazzjoni iżda huma n-nies li jħaddnu l-valuri u l-ideali tal-PN. Huwa qal li l-għażla ta’ Louis Galea kienet ibbażata fuq l-esperjenza, ir-rispett u l-appoġġ li jgawdi.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li l-partit irid jerġa’ jkun katalist, li eventwalment ikun alternattiva denja. Huwa sostna li jaf li din hija triq diffiċli, madankollu żgur mhux impossibli li ssir dejjem jekk dawk ta’ rieda tajba jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista.

F’din il-laqgħa Louis Galea qal li jaċċetta dan l-irwol li issa għandu fi ħdan il-PN b’impenn. Louis Galea qal li l-partit għandu jkun organizzazzjoni b’saħħitha u magħquda u ffukata.

“Mhux biċċa xogħol li nistgħu nagħmlu aħna biss, hemm bżonn li kulħadd jagħmel id-dmir tiegħu”.

Louis Galea qal li hemm il-ħtieġa li jkun hemm diskussjonijiet interni iżda wkoll esterni, ma’ kull settur u mal-poplu Malti u Għawdxi b’mod inġenerali.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli.

Segwi hawn l-ewwel kummenti ta’ Louis Galea.