Se jkun Steve D’Amato li jmexxi lil Sirens fl-ewwel esperjenza tagħhom fil-Kampjonat Premier wara li laħaq ftehim maċ-champions tal-Ewwel Diviżjoni. Hu se jkun is-suċċessur ta’ Vince Carbonaro li mexxa l-klabb għall-promozzjoni iżda deher li l-klabb ma kienx tal-idea li Carbonaro jibqa’ fit-tmexxija u wara diversi kunflitti, Carbonaro nħall mill-kuntratt il-ġimgħa l-oħra.
Hu kien beda l-karriera ta’ kowċ ma’ Melita qabel ingħaqad ma’ Ħamrun Spartans f’Ottubru tal-2008 f’dik li kienet l-ewwel esperjenza tiegħu fil-Kampjonat Premier. Fl-2011 kien inħatar Direttur Tekniku għal perjodu qasir ma’ Qormi u f’Novembru sar il-kowċ ta’ Mosta, esperjenza li damet madwar sena u nofs, b’Mosta fiċ-Championship Pool.
Fl-istaġun 2013/14 D’Amato mexxa lil Rabat Ajax iżda sfortunatament kienu relegati bi skwadra limitata. Fl-istaġun ta’ wara hu ddeċieda li jerġa’ jingħaqad ma’ Ħamrun Spartans li kienu fit-Tieni Diviżjoni u wassalhom sal-promozzjoni iżda f’Novembru tal-2016 tneħħa mill-kariga.
Fi Frar tal-2017 hu ngħaqad ma’ Senglea Athletic u wassalhom sal-promozzjoni għall-Kampjonat Premier għalkemm ma spiċċax l-istaġun ta’ wara. L-aħħar esperjenza ta’ D’Amato kienet fit-tmexxija ta’ Naxxar Lions fejn minkejja skwadra limitata u bi problemi finanzjarji wassal lit-tim sar-raba’ post u b’ċans għall-play-off sal-aħħar logħba.
Sirens sa issa akkwistaw lill-gowlkiper David Cassar, lid-difensuri Adrian Borg u Romeu Romao kif ukoll lil Siraj Eddin Arab, kollha plejers b’esperjenza fl-ogħla diviżjoni.
//= $special ?>