Lokali

Titnieda l-maratona volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza

Bit-tifsira tas-suffara minn ħalq il-President bdiet uffiċjalment il-11-il edizzjoni tal-maratona ta’ voleyball ta’ 53 siegħa b’risq id-dar tal-Providenza. Tnedija li saret taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella.

Ħadna l-kumment ta’ Fr. Martin Micallef Direttur tad-Dar tal-Providenza fejn qalilna dwar l-għan ta’ din il-maratona. Huwa qal li l-Maratona hija avveniment annwali għall-ġbir ta’ fondi b’risq Id-Dar tal-Providenza li fih tassew jispikka l-altruwiżmu. Din il-Maratona tara l-isportività u l-voluntariżmu jaħdmu id f’id bl-għan ewlieni li jinġabru fondi biex jiġi żgurat li din id-Dar tkompli toffri ambjent simili ta’ familja għar-residenti tagħha.

Tkellimna wkoll ma numru ta’ parteċipanti li qed jieħdu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena, fejn kollha kemm huma kellhom ħafna grinta biex jibdew jipparteċipaw għal din il-maratona.

Illum, id-Dar tal-Providenza kważi tilqa’ mal-111-il persuna, b’uħud jgħixu ħajja indipendenti fid-djar residenzjali fl-irhula madwar Malta.

Għalhekk kull voluntier qed jaħdem bla heda għax għal dan il-proġett kull qatra tgħodd. Il-maratona għandha għaddeja sal-Ħadd 7 ta’ Lulju, u l-pubbliku huwa mistieden biex jgħin lil din id-Dar li qed twettaq ħafna opri ta’ ġid lejn dawk li jeħtieġu xi forma ta’ għajuna.

Kontribuzzjonijiet jistgħu isiru billu ċċemplu fuq 51702012 għal donazzjoni ta’ €15 u fuq 51802013 għal donazzjoni ta’ €25, Donazzjoni ta’ €6.99 tista’ ssir billi wieħed jibgħat SMS fuq 50618944. Abbonati tal-BOV Mobile Pay jistgħu jagħmlu d-donazzjoni tagħhom fuq in-numru 79324834. Hemm ukoll il-linja 2146 1537 li fuqha wieħed jista’ jagħmel pleġġ.