Lokali

Vapur tal-Gozo Channel bil-ħsara … imma n-Nikolaos ma jistax jintuża

Wieħed mill-bastimenti tal-Gozo Channel jinsab bil-ħsara bil-konsegwenza li ġie mpattat is-servizz bejn iż-żewġ gżejjer.

Madankollu, u minkejja li suppost hemm il-bastiment żejjed li nġieb fl-aħħar ġimgħat lejn pajjiżna, dan mhux jintuża.

Dan hekk kif dan is-sit jinsab infurmat li fil-kuntratt tan-Nikolaos hemm miktub li dan jista’ jintuża biss għal erba’ sigħat filgħodu u erba’ sigħat filgħaxija.

Dan ifisser li, anke jekk il-bastimenti l-oħra kollha jkunu bil-ħsara, dan il-vapur jista’ jintuża biss fil-ħinijiet stipulati.

Iktar tard, iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina, ikkonferma din l-aħbar.

Madankollu m’għamilx dan b’xi stqarrija uffiċjali, iżda l-uffiċjal li hu mħallas mit-taxxi tal-pubbliku fuq is-sit tagħna ħalla kumment li fost oħrajn kien jibda bil-kliem: “Ajma x’uġiegħ ta’ żaqq.”

U filwaqt li kkonferma li l-ħsara kienet fuq l-MV Ta’ Pinu, ma ċaħadx li n-Nikolaos ma setax jintuża minħabba l-mod kif sar il-kuntratt.