Lokali

“Din il-ġimgħa tajna xhieda ta’ għaqda li tawgura tajjeb għall-proċess ta’ riforma fil-partit” – Adrian Delia

Louis Galea se jibda bil-ħidma tiegħu minn għada stess f'Għawdex

“F’moħħi, u f’qalbi, għandhi biss il-ġid tal-PN. Irrid partit b’saħħtu. Partit magħqud. Oppożizzjoni b’saħħitha u kredibbli. Din il-ġimgħa tajna xhieda ta’ għaqda li jawgura tajjeb għall-proċess ta’ riforma fil-partit.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET FM.

Adrian Delia rrefera għal dak li seħħ fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista l-Ħamis filgħaxija, bil-ħatra ta’ Alex Perici Calascione u Carmelo Mifsud Bonnici bħala Presidenti tal-Eżekuttiv u tal-Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista rispettivament. Filwaqt li awgura lill-Perici Calascione u Mifsud Bonnici għall-ħidma tagħhom fi ħdan il-partit, il-Kap tal-PN irringrazzja lil Graziella Attard Previ tal-maturità politika u l-imħabba li uriet lejn il-partit meta rtirat il-kandidatura tagħha għall-President tal-Ezekuttiv li, fi kliemha stess, dan għamlitu “fi spirtu ta’ għaqda u sabiex il-PN jkun jista’ jikkonċentra fuq il-missjoni tiegħu fil-pajjiż bla dewmien’. Adrian Delia rringrazzja wkoll lil Graham Bencini li diġà impenja ruħu li se jkompli bil-ħidma tiegħu fi ħdan il-partit.

Adrian Delia spjega li ddeċieda li jsejjaħ il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista għas-Sibt 27 ta’ Lulju huwa stess bis-saħħa tal-Artiklu 30 tal-Istatut tal-partit. Huwa qal li sejjaħ il-Kunsill għall-ġid tal-PN, biex il-partit ikun jista jimxi ‘l quddiem imsaħħaħ u magħqud.

Dwar il-ħatra ta’ Louis Galea, li se jkun qed imexxi proċess ta’ riforma fil-partit, Adrian Delia qal li Louis Galea se jibda l-impenji tiegħu minn għada stess f’Għawdex. Louis Galea aċċetta wkoll l-inkarigu ta’ President tal-AŻAD mogħti lilu minn Adrian Delia. Dr Delia qal li Louis Galea ħadem qatigħ għall-PN u kull fejn kien ġab riformi kbar, u siewja, li s-soċjeta’ tagħna għadha sal-lum tgawdi l-effetti tagħhom. Dwar il-ħatra ta’ Kummissjoni Elettorali ġdida, Adrian Delia qal li dan qed jagħmlu sabiex jiggarantixxi proċess trasparenti u miftuħ hekk kif fil-kummissjoni, li se tkun immexxija minn Francis Zammit Dimech, ried li jkun hemm ukoll rappreżentanti rappreżentattivi tal-persuni li ppreżentaw petizzjonijiet differenti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-partit se jidħol għal din ir-riforma politika b’umiltà, b’sens kbir ta’ dover u fi spirtu ta’ għaqda. Adrian Delia appella li kulħadd jkun parti minn din ir-riforma biex kulħadd iħossu li jkun parteċipi u protagonist biex jissaħħaħ il-partit.